Internazzjonali

Iċ-Ċina: Twissija li l-pajjiż ‘mhux se jkun oppressat’, f’għeluq il-100 sena tal-Partit Komunista

Il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, wissa lil-potenzi barranin ‘għandhom jaraw xi jsarraf pajjiżu’ f’każ li huma jippruvaw joppressaw jew jintimidaw liċ-Ċiniżi.

Id-diskors ta’ Jinping – ikkaratterizzat bir-rabja u messaġġi ta’ sfida – ingħata waqt avveniment li kien qed jimmarka għeluq il-100 sena tal-Partit komunista li ilu dawn is-snin kollu ‘sinonimu’ mal-Istat taċ-Ċina.

Xi Jinping qal ukoll li ċ-Ċina mhix se tippermetti li pajjiżi oħra jippruvaw juru li għandhom xi ‘superjorità morali’ fuq iċ-Ċiniżi – b’din ir-rimarka x’aktarx li kienet indirizzata lejn l-Istati Uniti, b’mod partikulari.

Dan ukoll meta ċ-Ċina qed tiffaċċja kritika qawwija dwar abbużi tad-drittijiet umani u l-politika ripressiva tagħha rigward it-territorju ta’ Hong Kong – eks kolonja Britannika sal-1997.

Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina qalbu għall-agħar fl-aħħar snin wara battibekki dwar il-kummerċ u l-ispjunaġġ — bis-sitwazzjoni tikkumplika ruħha minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Dan ukoll meta l-Istati Uniti qed tinsisti li ssir taf ‘il-veru rwol taċ-Ċina fil-firxa ta’ dan il-virus qattiel li bidel il-wiċċ tad-dinja’.

Anki l-issue tat-Tajwan – Stat sovran li jemmen fid-demokrazija u li ċ-Ċina tqisu bħala ‘provinċja (Ċiniża) ribelluża’ —  qed tqajjem tensjoni kbira.

L-Istati Uniti, intant, għandha d-dmir li tipprovdi lit-Tajwan bil-mezzi biex jiddefendi ruħu f’sitwazzjoni fejn iċ-Ċina komunista tiddeċiedi li tuża l-forza biex ‘tieħu lura l-kontroll fuq din il-gżira’. Fil-fatt, Xi Jinping qal li ċ-Ċina għadha ‘determinata aktar minn qabel li jsir il-proċess tal-unifikazzjoni mat-Tajwan’.

Il-President taċ-Ċina enfasizza li ħadd ma għandu jiddubita s-sens tal-impenn taċ-Ċiniżi biex jiddefendu s-sovranità nazzjonali u l-integrità territorjali tagħhom’.

Intant, iċ-ċelebrazzjonijiet għall-100 anniversarju mit-twaqqif tal-Partit Komunista taċ-Ċina kienu jinkludu fly-pasts ta’ ajruplani militari, l-isparaturi ta’ salut mill-kanuni u d-daqq ta’ innijiet patrijottiċi. Dan waqt li folla mdaqqsa ta’ ‘persuni magħżulin’ –  li ħafna minnhom ma kenux lebsin il-maskri tal-wiċċ  — attendiet għal programm ta’ attivitajiet fi Pjazza Tiananmen ta’ Beijing.

Fl-istess ħin, il-pajjiż kien ilu l-ġimgħat suġġett għal bumbardament ta’ propaganda fost il-promozzjoni ta’ ‘versjoni tal-istorja taċ-Ċina’ approvata mill-Partit Komunista.

Dan ukoll waqt li l-eks territorju semi-awtonomu ta’ Hong Kong ukoll kien qed jimmarka l-anniversarju tal-jum meta għadda taħt il-kontroll tal-Gvern komunista Ċiniż.