Lokali

“Il-Gvern se jibqa’ ma jsolvix il-problemi fir-reġistru tal-artijiet” – PN

Ilbieraħ fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista vvota kontra l-emendi tal-liġi dwar irreġistrazzjoni tal-artijiet għaliex b’dawn l-emendi, il-gvern ser jibqa ma jsolvix il-problemi fir-reġistru tal-artijiet.

Il-Partit Nazzjonalista juri d-dispjaċir tiegħu li l-Gvern Laburista tilef okkażjoni tad-deheb biex isolvi bis-serjetà l-problemi li qed joħonqu r-reġistru tal-artijiet. Dawn il-problemi huma ta’ rilevanza kbira għan-nies għax bil-mod kif qed jaħdem dan ir-reġistru llum, hemm lok t’abbużi fit-reġistrazzjoni ta’ riżorsa prezjuża ħafna, jiġifieri l-art. Eżempju ċar tal-problemi fir-reġistru tal-artijiet u ta’ kif tolqot lin-nies fil-laħam il-ħaj diġa` seħħ fin-Nadur Għawdex fejn art ġiet
irreġistrata għal għarrieda f’isem fondazzjoni wara dahar min kien ilu jokkupaha u jqisha bħala tiegħu għall-ġenerazzjonijiet sħaħ biex ma nsemmux il-każijiet ta’ min xtara tali art.

Wara li f’sena u nofs ma kienx kapaċi jindirizza l-problema li żviluppat fin-Nadur, issa l-Gvern Laburista jinsab f’paniku sħiħ u ħa l-iqsar triq billi ta poteri straordinarji lill-Ministru biex meta jidhirlu jneħħi zoni mill-obbligu tar-reġistrazzjoni u lill-Avukat tal-Istat biex iħarrek lirReġistratur tal-Artijiet dwar xi reġistrazzjoni t’art partikolari. Hu tassew surreali li minħabba xi allegat nuqqas proċedurali, l-Avukat tal-Istat ser iħarrek lil dipartiment tal-Gvern li hu suppost jiddefendi fil-qorti. Il-Gvern Laburista daħħal dawn il-poteri bla ma ta każ tal-perikli legali serjissmi li jistgħu jikkawżaw.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista pprova jiftaħ għajnejn il-Gvern u ppropona proċedura ċara kif għandu jaħdem ir-Reġistratur tal-Artijiet meta jkun hemm kwistjoni dwar it-titlu u b’hekk, il-Gvern ma jkollux għalfejn jirrikorri għall-poteri straordinarji li qed jassumi. Dak propost mill-Partit Nazzjonalista jiżgura li s-sistema taħdem aħjar u bla skossi. Is-sabiħa hi li l-validitá tal-proposti tal-Partit Nazzjonalista ġiet rikonoxxuta mill-Gvern Laburista stess fil-Parlament. Madanakollu, il-Gvern Laburista xorta ddeċieda li jivvota kontrihom għax skond hu, mhux ilwaqt li jsir dak li ppropona l-Partit Nazzjonalista.

Jidher ċar illi dak li jinteressa l-Gvern Laburista mhux li ssir riforma f’saħħitha u dejjiema fir-Reġistru tal-Artijiet imma li jagħti mpressjoni li sab soluzzjonijiet għall-problemi li nafu li jeżistu meta jidher ċar illi tali soluzzjonijiet m’hux ser isolvu l-problemi li jeżistu u ser iħallu lil min hu milqut fil-limbu.