Lokali Parlament

Il-Gvernm’għandux l-ambizzjoni u mhux kapaċi jutilizza l-fondi tal-UE

Joe Ellis, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Ellis sostna fil-parlament li dan il-Pjan ta’ Rkupru mill-COVID jikkonferma kemm il-Gvern m’għandux l-ambizzjoni u mhux kapaċi jutilizza l-fondi tal-UE.

Joe Ellis qal li din l-ewwel darba li l-UE qed tagħti għotijiet lill-pajjiżi membri u sostna li fil-preżentazzjoni li għmel il-Gvern dwar il-pajn jidher ċar li l-Gvern m’għandux idea kif jutilizza l-akbar ammont ta’ fondi. Dan hu Gvern li m’għandux ambizzjoni u mhux kapaċi jutilizza dawn il-fondi.

Joe Ellis qal li l-Gvern tilef opportunità storika li jgħaqqad il-politiċi u l-imsieħba soċjali fl-abbozzar ta’ dan il-Pjan; dan hu gvern li mingħalih jaf kollox. L-affarijiet setgħu saru ferm aħjar, sostna Joe Ellis li semma’ kif l-Italja se tirċievi €25 biljun fl-aħħar ta’ Lulju għax ilha xhur li lestiet il-Pjan.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern mar quddiem l-MCESD bi Pjan lest u sostna li hemm €800 miljun f’fondi Ewropej li m’hemmx ħsieb kif se jintużaw. Il-Gvern mhux jirrealizza l-problema tat-tniġġiż fil-klima u qal li l-Gvern mhux jitratta t-tnaqqis fl-emissjonijiet.

Joe Ellis qal li m’hemmx fondi dedikati għal Għawdex u sostna li l-Gvern m’ għamilx dan l-impenn importanti fil-Pjan ta’ Rkurpu.