Lokali

Jason Azzopardi jitlob li Vince Muscat il-Koħħu u l-aħwa Degiorgio jkunu msejjħa fil-kawża tal-libell ta’ Carmelo Abela

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jitlob lill-Qorti sabiex fil-kawża ta’ libell li fetaħ kontrih il-Ministru Carmelo Abela… ikun jista jsejjaħ bħala parti mill-kawża lil Vince Muscat il-Koħħu, u l-aħwa Degiorgio bħala xhieda.

Il-Ministru Carmelo Abela fetaħ libell lil Azzopardi wara li dan tal-aħħar qal illi semmieh b’ismu bħala l-Ministru sedenti li kien involut fis-serqa tal-HSBC fl-2010.

Jason Azzopardi semma lil Abela wara li kemm Vince Muscat kif ukoll l-aħwa Degiorgio semmew kemm-il darba ‘ministru sedenti’ involut fis-serqa. Iżda meta d-deputat Nazzjonalista semma’ lil Abela b’ismu, dan tal-aħħar mar jiġri l-Qorti biex jiftaħlu libell.

Issa, Jason Azzopardi qed jargumenta li fid-dawl tal-gravità tal-allegazzjonijiet li għamlu Vince Muscat u George u Alfred Degiorgio, huwa fl-interess pubbliku li t-tliet irġiel ikunu parti minn dan il-każ.

Għal Jason Azzpardi qed jidher l-avukat Joe Zammit Maempel filwaqt li Pawlu Lia qed jirrappreżenta lill-Ministru.