Lokali

Jiggradwaw 10 persuni mill-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga

Fl-2020, kienu madwar 720 persuna dipendenti fuq sustanzi u madwar 457 qarib li ħabbtu l-bieb ta’ Caritas għall-għajnuna

Sebat irġiel u tliet nisa temmew xhur ta’ riabilitazzjoni u rritornaw lura fis-soċjetà bħala persuni b’dinjità lura fis-soċjetà. Minkejja dan, il-vjaġġ ta’ ħidma ma jintemmx mal-gradwazzjoni, imma huwa vjaġġ li jkompli permezz ta’ kuntatt ma’ Caritas b’mod regolari permezz ta’ gruppi u kuntatt ieħor.

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dawn l-10 gradwati saret l-Erbgħa fil-Knisja ta’ San Ġiljan permezz ta’ quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna.

Fid-dawl tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19, din iċ-ċelebrazzjoni saret fuq skala ferm iżgħar hekk kif kienu preżenti biss il-gradwati u l-qraba tagħhom flimkien ma’ rappreżentanza ta’ staff u residenti mid-djar ta’ riabilitazzjoni.

It-tema magħżula għal din is-sena kienet Baħħara ta’ kull Staġun fejn fl-isfond ta’ sfidi ma jaqtgħu xejn tal-pandemija, dawn l-għaxar persuni rnexxilhom jegħlbu wkoll l-isfidi u d-diffikultajiet li wassluhom biex jersqu għal dan il-programm.