Il-mewġa tas-sħana storika li kkaġunat numru allarmanti ta’ imwiet fl-aħħar sigħat kienet anki l-ixprun għal nirien li wasslu għall-evakwazzjoni tar-residenti mill-villaġġ ta’ Lytton. L-istess villaġġ, fil-jum ta’ qabel, kien irreġistra l-ogħla temperaturi fl-istorja tal-pajjiż u li kienu telgħu għal 49.6 gradi Celsius.
L-awtoritajiet ta’ Lytton – villaġġ ta’ 250 persuna fi British Columbia – infurmaw lir-residenti dwar il-ħtieġa li ‘jitilqu minn hemmhekk b’urġenza’ wara li n-nirien infirxu mal-villaġġ f’perjodu ta’ 15-il minuta biss.
Fil-preżent, iċ-ċittadini fil-Punent tal-Kanada qed ibatu mill-effetti tas-sħana u meta deħlin dejjem aktar rapporti dwar imwiet dovuti għall-qabża fenomenali fit-temperaturi. Fil-fatt, il-provinċja ta’ British Columbia irreġistrat tliet darbiet aktar każi ta’ imwiet relatati għas-sħana milli fi kwalunkwe żmien ieħor għal dan il-perjodu tas-sena. F’ ħamest ijiem biss kienu rreġistrati 486 ‘heat-related deaths’ fi British Columbia – b’dan irid ikun ipparagunat mal-medja ta’ 165 ‘fi żmenijiet normali’.
Filwaqt li s-sħana dehret qed tnaqqas ftit fiz-zoni tal-Kanada maġenb il-kosta, ir-reġjuni lejn iċ-ċentru tal-pajjiż baqgħu ‘jissieltu għan-nifs’ fost il-kundizzjonijiet insapportabbli.
Fil-belt ta’ Vancouver – l-akbar belt fil-provinċja ta’ British Columbia – is-sħana x’aktarx li kienet il-fattur ewlieni li kontribwixxa għal talanqas 65 mewta min-nhar il-Ġimgħa. F’din il-belt twaqqfu 25 cooling centre bl-arja kundizzjonata fejn in-nies jistgħu jistrieħu mis-sħana waqt li jaħdmu bil-laptops.
//= $special ?>