Kif wiegħed il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech l-Oppożizzjoni għamlet diversi talbiet fil-Parlament b’rabta mar-rapport tal-FATF.
Fost dawn it-talbiet l-Oppożizzjoni talbet lill-Ministru tal-Finanzi sabiex ipoġġi fuq il-mejda tal-kamra d-dokumentazzjoni sħiħa tal-korrispondenza li għaddiet mill-FATF u l-Gvern Malti u li magħha għandha tinkludi wkoll ir-rapport dettaljat tal-istess FATF bl-action plan irakkomandat minnha fil-konfront ta’ pajjiżna.
L-Oppożizzjoni talbet ukoll sabiex kumitat permanenti Parlamentari jitlaqqa’ b’urġenza speċifikament sabiex jiddiskuti u janalizza s-sitwazzjoni u jitħejja bilgħaqal pjan ‘l quddiem.
Fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament, David Agius, flimkien mal-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, Robert Cutajar, ingħad li għall-Oppożizzjoni din hija materja ta’ importanza nazzjonali u li l-istess Oppożizzjoni, anke f’din is-sitwazzjoni delikata għall-pajjiżna tinsab determinata li bil-fatti tkompli tikkontribwixxi sabiex fl-interess nazzjonali, pajjiżna joħroġ fl-iqsar żmien possibbli minn fuq din il-lista l-griża
//= $special ?>