Internazzjonali

Renju Unit: Il-Prinċpijiet William u Harry jinawguraw statwa ta’ ommhom

Il-Prinċep William u l-Prinċep Harry — id-Duka ta’ Cambridge u d-Duka ta’ Sussex — għadhom kemm inawguraw statwa ta’ ommhom, il-mibkija Prinċipessa Diana ta’ Wales, fil-Palazz ta’ Kensington. L-okkażjoni hi waħda speċjali meta llum il-Prinċipessa — li mietet f’Awwissu tal-1997 waqt inċident bil-karozza f’Pariġi — suppost li kellha tagħla 60 sena.

L-istatwa tinsab fis-Sunken Garden tal-Palazz u kienet ikkummissjonata mill-aħwa fl-2017. Dak iż-żmien, William u Harry kienu esprimew tama li n-nies li jaraw din l-istatwa fil-palazz ‘ikunu jistgħu jirriflettu fuq il-ħajja ta’ ommhom u l-wirt li ħalliet warajha’.

Fl-istess ħin, dan l-avveniment ġab lil William u Harry flimkien għall-ewwel darba minn dakinar (f’April) tal-funeral tal-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh.

Ir-relazzjonijiet bejn l-aħwa, fl-aħħar xhur, kienu qalbu għall-agħar, speċjalment wara li Harry warrab mid-doveri uffiċjali tiegħu bħala membru tal-Familja Rjali. It-tensjoni kompliet minkejja d-diversi tentattivi għal rikonċiljazzjoni minn terzi persuni — iżda, illum, il-Prinċpijiet kellhom l-okkażjoni li jitkellmu bejniethom anki waqt li l-fotografi preżenti fil-Palazz ta’ Kensington ħadu r-ritratti ta’ William u Harry bilwieqfa maġenb xulxin, matul iċ-ċerimonja.