Donald Rumsfeld, li serva darbtejn bħala Segretarju tad-Difiża Amerikan u li kien fost il-protagonisti tal-gwerra tal-Iraq, miet fl-età ta’ 88 sena. L-aħbar ingħatat minn familtu li qalet li Rumsfeld miet id-dar fil-belt ta’ Taos, fi New Mexico.
Rumsfeld, li kien fost l-aktar uffiċjali fdati tal-eks President Amerikan, George W. Bush, kien strumentali ħafna fil-‘gwerra kontra t-terroriżmu’ li żviluppat tul is-snin ta’ wara l-attakki bl-ajruplani li t-terroristi tal-Al-Qaeda kienu mexxew kontra l-ibliet ewlenin tal-Istati Uniti fil-11 ta’ Settembru tal-2001.
Il-qawwiet tal-Istati Uniti kienu invadew lill-Iraq fl-2003 fost l-insistenza li l-pajjiż Għarbi – dak iż-żmien taħt it-tmexxija tad-dittatur Saddam Hussein – kien żviluppa l-armi għall-qerda tal-massa.
Intant, dawn l-armamenti speċifiċi baqgħu ma nstabux fl-Iraq u Donald Rumsfeld irriżenja tliet snin wara minn Segretarju tad-Difiża. Għalkemm Rumsfeld dejjem iddefenda r-rekord tiegħu, diversi esperti spiċċaw iwaħħlu fih għal deċiżjonijiet li wasslu għal diffikultajiet kbar fl-Iraq u l-madwar.
Min-naħa tiegħu, l-eks President Bush – wara li sama’ dwar il-mewt ta’ Rumsfeld – irrefera għalih bħala ‘uffiċjal intelliġenti u integru li ma waqaf qatt jistinka fl-interess ta’ pajjiżu.’
//= $special ?>