Il-ħelsien mill-ħabs, fl-aħħar sigħat, tal-komiku veteran Bill Cosby wassal għal diversi stqarrijiet ta’ xokk u għadab min-naħa tal-vittma, kif ukoll mir-rappreżentanti tal-gruppi favur id-drittijiet tal-mara. Dan wara li l-imħallfin irtiraw il-kundanna li kien weħel Cosby għal każ partikulari ta’ aggrediment sesswali – bir-riżultat li hu seta’ joħroġ mill-ħabs ta’ Elkins Park, f’Pennsylvania.
Fl-2018, Cosby – komiku magħruf ferm fl-Istati Uniti u madwar id-dinja għar-rwol prinċipali fis-sensiela televiżiva The Cosby Show (tas-snin tmenin) – kien instab ħati dwar l-aggrediment ta’ Andrea Constand, eks-plejer tal-basketball, li wkoll kienet ingħatat tip ta’ droga biex ma tkunx kapaċi tirreżisti l-attakk.
L-imħallfin li ħelsu lil Cosby irreferew għal ‘abbuż tal-proċess’ min-naħa tal-prosekuzzjoni, iżda fl-istess ħin huma ammettew li d-deċiżjoni tagħhom kienet waħda ‘straordinarja’. Ħafna nies – u mhux biss nisa – issa qajjmu tħassib li d-deċiżjoni tal-imħallfin kapaċi, ‘il quddiem, iżżomm lin-nisa milli jiżvelaw każi ta’ abbuż fil-konfront tagħhom.
Andrea Constand u l-avukati tagħha qalu li d-deċiżjoni mhux talli hi waħda diżappuntanti għalihom iżda anki kapaċi tiskoraġġixxi lin-nisa li qed ifittxu l-ġustizzja għal każi fejn huma spiċċaw vittmi ta’ attakki bi skop sesswali.
Min-naħa tiegħu, Bill Cosby – dritt wara l-ħelsien mill-ħabs – bagħat stqarrija fuq Twitter fejn qal li ‘hu qatt ma bidel il-versjoni tiegħu ta’ kif żvolġa l-każ ( ta’ Andrea Constand)’. L-attur fakkar li hu ‘dejjem insista li hu raġel innoċenti’.
Filwaqt li għexieren ta’ nisa akkużaw lil Cosby, pubblikament, dwar każi ta’ aggrediment sesswali, hu kellu jgħaddi biss minn proċess kriminali wieħed għall-każ li kien jinvolvi lil Andrea Constand. Is-sentenza ta’ kundanna li weħel Cosby fl-2018 kienet meqjusa wkoll bħala mument storiku għall-moviment #MeToo li qed jaħdem biex jesponi każi ta’ abbuż sesswali tan-nisa u biex issir il-ġustizzja mal-vittmi.
//= $special ?>