Internazzjonali

Traġedja Miami: ir-residenti kienu mwissijja dwar problemi strutturali

L-iġsma bla ħajja ta’ żewġt itfal inħarġu minn qalb it-tifrik tal-binja li kkrollat f’Miami ġimgħa ilu.

Dan itella’ għal 18 in-numru ta’persuni li tilfu ħajjithom f’din it-traġedja.

Minn kemm ilu li bdiet il-ħidma tas-salvataġġ, ħadd ma nħareġ ħaj minn taħt it-tifrik, b’150 persuna għadhom meqjusa nieqsa.

Ħaddiema tal-emerġenza bnew rampa biex jilħqu partijiet tal-binja li ma kellhomx aċċess għalihom u qed jibqgħu jittmaw li jistgħu joħorġu persuni ħajjin anke issa tmint ijiem wara l-kollass tal-binja.

L-isforzi ser jibqgħu għaddejjin minkejja li fil-jiem li ġejjin mistennija maltempata tropikali f’din iż-żona.

Nofs il-binja bl-isem Champlain Towers ikkrollat waqt li ħafna mir-residenti kienu reqdin. B’kollox mill-binja, li ilha mibnija 40 sena, kkollassaw total ta’ 55 appartament, u fl-aħħar ħin sar magħruf li f’April li għadda, ir-residenti rċevew ittra fejn kienu mwissija dwar il-ħsarat strutturali fil-binja li kull ma jmur kienu serjin għall-agħar.