Lokali

Gazzetti Ingliżi jirrappurtaw “kaos” fit-turiżmu lejn Malta wara li ħafna tħallew lampa stampa

"Kaos" u "konfużjoni" għat-turisti Ingliżi

Kummenti li għadda lbieraħ id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħolqu konfużjoni sħiħa u wasslu biex xi persuni li kienu se jtiru mir-Renju Unit lejn Malta spiċċaw jiġu rifjutati mil-linji tal-ajru rispettivi.

Kien waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ li l-Ministru Fearne iddikjara li mil-lum, l-awtoritajiet tas-saħħa lokali kienu se jaċċettaw ċertifikati tal-vaċċin mill-app tas-servizz tas-saħħa tar-Renju Unit, l-NHS.

Din l-istqarrija mhux biss żgwidat lil dawk li kienu se jtiru lejn Malta, iżda wkoll lill-awtoritajiet tat-turiżmu f’pajjiżna. Tant hu hekk li ftit wara, il-Ministeru tas-Saħħa kellu jippreċiża li l-informazzjoni li kien ta l-Ministru tas-Saħħa kienet skorretta u li l-awtoritajiet Maltin kienu se jaċċettaw biss iċ-ċertifikat mibgħut mill-post mill-NHS.

Ħafna kienu dawk li rreaġixxew ħażin għal din l-aħbar, fosthom għadd ta’ persuni li kienu bbukkjaw il-btala tagħhom f’pajjiżna.

Intant minn titjira waħda mir-Renju Unit lejn Malta, ilbieraħ filgħaxija 75 persuna li kienu se jitilgħu abbord it-titjira tagħhom ġew imċaħħda milli jitilgħu fuq l-ajruplan u kellu imorru lura lejn djarhom.

Bosta kienu dawk li qalu li l-informazzjoni kunflinġenti li qed toħroġ qed twassal għal kaos u konfużjoni sħiħa għat-turisti Ingliżi.

Din id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li ma jaċċettax l-app tal-NHS jidher li ġejja mill-fatt li l-awtoritajiet lokali għad m’għandhomx it-teknoloġija neċessarja biex jaqraw id-dettalji fl-app. Sorsi ta’ Net News qrib l-awtoritajiet tat-turiżmu esprimew tħassib għal dan in-nuqqas, speċjalment fid-dawl li rapporti internazzjonali kien ilhom ġimgħat jipprevedu li Malta se tkun fuq il-lista ħadra tar-Renju Unit.

Biex persuna fir-Renju Unit tirċievi ċ-ċertifikat bil-posta, dan il-proċess jieħu jiem u l-Gvern Malti ħabbar din id-deċiżjoni ferm wara l-aħbar uffiċjali li Malta għamlitha fuq il-lista l-ħadra.

Dan wassal biex diversi persuni fir-Renju Unit kellhom iħassru l-vjaġġ tagħhom, jew saħansitra spiċċaw marru fl-ajruporti rispettivi mingħajr id-dokumenti meħtieġa, u kellhom jibqgħu l-art.

Din l-aħbar kienet irrappurtat bi prominenza anke minn portals barranin.