Lokali

“Wara Santa Marija nkun f’pożizzjoni aħjar” – Josè Herrera dwar il-ftuħ tal-industrija tal-ispettaklu

“Wara Santa Marija nkun f’pożizzjoni aħjar li jiena ngħidu”.

Hekk sostna l-Ministru għall-Arti u l-Kultura Josè Herrera fejn prattikament wassal il-messaġġ lill-artisti li għad iridu jistennew tal-inqas xahar u nofs ieħor biex idawwru r-rota. U allura, dan is-Sajf ikun biss illużjoni għall-professjonisti f’dan il-qasam.

Mistoqsi xi jwieġeb għall-fatt li l-artisti qed iħossu li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jiddiskriminahom, għaliex qiegħed jiftaħ għal ħaddieħor u magħhom iżomm l-id tal-ħadid, Herrera saħaq li filwaqt li ma jlumhomx…. għalissa ma jistax isir mod ieħor – b’dawn il-professjonisti ma jistgħux iħejju għal proġetti futuri.

Filwaqt li l-artisti, żeffiena, kantanti, fotografi, tekniċi u kull min b’xi mod jew ieħor għandu x’jaqsam ma’ din l-industrija ilu madwar 16 xhur jistenna sinjal ta’ normalità għal professjoni tiegħu – il-Ministru tal-kultura insista li għandna bżonn nibqgħu kawti u li ma tistax tipprevedi x’se jiġri minn hawn u ftit tax-xhur oħra…filwaqt li preċiża jgħid li ankè hu għandu l-limitazzjonijiet tiegħu.

Josè Herrera spjega wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed iħabbar inizjattivi oħra relatati ma’ dan is-settur minkejja li ma qalx x’inuma.

Għaldaqstant id-diskors ta’ Herrera jikkontrasta bil-qawwa mal-messaġġ b’saħħtu li waslu l-artisti l-Erbgħa filgħaxija waqt konferenza stampa virtwali mtellgħa mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Arti u d-Divertiment fosthom ma’ dak li qal il-mużiċist u attur Pawlu Borg Bonaci fejn insista li qed issir inġustiżja mal-professjonisti tal-arti u d-divertiment.