Numri Maltin qed jintużaw fi scam oħra din id-darba minn kriminali qed iċemplu lil diversi persuni u jgħidulhom li jkunu mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta. B’aċċent Amerikan dawn qed jitolbu biex il-persuna tagħti l-informazzjoni tal-e-id tagħha u dan wara li inħareġ mandat ta’ arrest f’isimhom.
It-telefonati scam qegħdin isiru b’numri Maltin u fost dawn in-numri hemm 99377414, 99428780 u 99483021. L-importanti hu li wieħed ma jċempilx lura fuq dawn in-numri, anke jekk wieħed jipprova jċempel ma jwieġbu ħadd. L-aħjar huwa li jimblokka n-numri ħalli ma jirċievix telefonati oħra.
Huwa numru kbir ta’ persuni Maltin li qed jingħad lilhom li huma wettqu atti ta’ ħasil ta’ flus u fost dawk li rċevew it-telefonati kien hemm anke membri tal-Korp tal-Pulizija u familjari tagħhom. Wieħed irid joqgħod attent u mportanti li qatt ma tagħtu dettalji personali għax tingidmu bil-kbir.
Bħalissa mhux biss f’Malta dawn li scams qegħdin isiru aktar frekwenti fejn dan l-aħħar il-kriminali anke inqdew bil-MaltaPost u d-DHL. Oħrajn f’pajjiżi oħra qegħdin jippużaw ta’ aġenti tal-Amministrazzjoni tal-Infurzar tad-Droga (DEA).
Huma qed jippruvaw jiksbu l-flus u l-informazzjoni personali tiegħek, u jużaw telefonati allarmanti biex jagħmlu dan. “Int ser tiġi arrestat għal traffikar ta ‘droga u ħasil ta’ flus”, qed jingħad minn dawn il-kriminali.
Matul ix-xahar li għadda, il-Pulizija kienu qegħdin jirċievu sa 20 rapport kuljum minn vittmi ta’ emails konvinċenti u SMS’s dwar konsenji ta’ pakketti li fil-fatt huma scams biex jiffrodaw nies sa €5,000. L-iscam tal-konsenja tal-pakketti ilu jeżisti minn April iżda intensifikat fl-aħħar ġimgħat b’messaġġi mibgħuta bil-Malti u bl-Ingliż u li kienu qed jindikaw li ġejjin minn firxa ta’ gruppi ta’ konsenja inklużi l-MaltaPost u d-DHL
Il-kriminali qegħdin jieħdu bejn €800 u €1,800 għal kull vittma bl-ogħla ammont frodat minn persuna waħda li tilħaq €5,000. F’dan il-każ il-messaġġi ġeneralment jiġu minn numru mhux magħruf u jgħidu xi ħaġa bħal: “(DHL) Il-pakkett tiegħek qed jistenna l-kunsinna jekk jogħġbok ikkonferma l-ħlas (1USD)” b’link.
//= $special ?>