Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson iddiskuta r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar mal-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, meta ż-żewġ pajjiżi qed jippruvaw jimplimentaw l-aħjar sistemi għall-kontroll tal-varjanti ġodda tal-Covid-19 f’dawn iż-żmenijiet tal-pandemija.
Iż-żjara fir-Renju Unit hi l-aħħar waħda uffiċjali ta’ Merkel bħala Kanċillier tal-Ġermanja u meta hi mistennija twarrab mill-kariga aktar tard fis-sena.
Hi, qabel, kienet sejħet biex il-Britanniċi kollha li jivvjaġġaw lejn l-Ewropa jagħmlu żmien taħt kwarantina, iżda Boris Johnson, għall-kuntrarju, qed jinsisti li l-programmi tat-tilqim kapaċi jilliberaw lin-nies mir-restrizzjonijiet dovuti għall-pandemija u meta miljuni ta’ nies qegħdin jippjanaw il-btajjel tas-sajf.
It-taħditiet bejn Merkel u Johnson saru fir-residenza ta’ Chequers ( tal-Prim Ministru Britanniku) qalb il-kampanja, biż-żewġ mexxejja jaqblu dwar dikjarazzjoni konġunta ta’ wara Brexit li tinvolvi l-kooperazzjoni fl-oqsma tas-sigurtà u l-politika barranija.
Intant, ftit jiem ilu, Merkel kienet ħeġġet biex pajjiżi oħra jieħdu l-eżempju tal-Ġermanja u jintroduċu restrizzjonijiet aktar riġidi għat-turisti Britanniċi minħabba t-tħassib dwar il-varjant ‘Delta’. Il-Ġermanja ilha minn Mejju tipprojbixxi aċċess lin-nies li jivvjaġġaw għal hemm mir-Renju Unit – ħlief għal eċċezzjonijiet rari.
Sadanittant, il-Prim Ministru Johnson, fi ftit ġranet oħra, mistenni jħabbar l-aħħar passi lejn il-konklużjoni tal-lockdown fl-Ingilterra.
//= $special ?>