Coronavirus Lokali Saħħa

Il-każi attivi jerġgħu jaqbżu l-50

Fl-aħħar 24 siegħa ġew irreġistrat 6 każi ġodda ta’ COVID-19 f’pajjiżna filwaqt li ma fieq ħadd mill-virus. Dan wassal biex il-każi attivi f’Malta u f’Għawdex reġgħu qabżu l-50 u issa jimmontaw għal 52. Dawn in-numri joħorġu minn fost 2,717 swab test.

Matul din il-ġimgħa, pajjiżna ra 30 każ ġdid ta’ Coronavirus li jfisser l-għola ammont ta’ każi fl-aħħar erba’ ġimgħa. Mhux ċar x’qed iwassal biex il-każi f’pajjiżna reġgħu qed jiżdiedu b’mod marġinali, dan meta wieġed jikkunsidra li għal ammont ta’ ġimgħat il-każi bdew jonqsu filwaqt li l-persuni imlaqqma komplew jiżdiedu.

Filfatt fl-aħħar sigħat ingħataw madwar 4,000 doża tal-vaċċin, bi ftit iktar minn 3,000 persuni minnhom issa hija kkunsidrata mlaqqma b’mod sħiħ għall-kontra l-virus. Dan wassal biex issa ingħataw aktar minn 675,000 doża u li minnhom kważi 330,000 persuna huma mlaqqma b’mod sħiħ.

B’xorti tajba, fl-aħħar sigħat ħadd ma tilef ħajtu kawża tal-virus biex b’hekk l-ammont totali ta’ fatalitajiet tal-pandemija baqa’ 420.