Lokali Qorti

Jgħid li ħa l-karozza ta’ Charlene Farrugia u telaqha Bormla

Raġel ħa l-karozza ta’ Charlene Farrugia ġewwa Bormla u dan fuq struzzjonijiet ta’ John Woods li jinsab mixli bil-qtil tagħha. Kevin Brincat li kien l-unika xhud meta kompliet il-kumpilazzjoni qal li jiftakar li kien iltaqa’ ma’ Woods fejn kien hemm il-gabbana barra putirjal.

Meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Woods li qed jiġi akkużat bl-omiċidju ta’ Charlene Farrugia, liema delitt kien seħħ 13-il sena ilu u li sa sentejn ilu kien għadu mistur. Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Brincat xehed quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia fejn qal li Woods li kien bil-karozza tal-vittma qallu, ‘għamilli pjaċir, ħudli l-karozza u itfagħha Bormla. Ix-xhud qal li hekk għamel u telaqha fl-inħawi tal-Verdala u ħalliha hemm.

John Woods ta’ 41 sena qed jiġi mixli li f’Novembru tal-2008, qatel lil Charlene Farrugia ta’ 25 sena li kienet taħdem bħala carer, wara li din kienet instabet imqatta’ biċċiet, f’xelter fil-Belt, li jiġi taħt il-lukanda Phoenicia. Huwa qed jiċħad li kien hu li qatel lit-tfajla.

Qabel ma tressaq il-Qorti l-isem ta’ Woods qatt ma kien jagħmel parti mill-investigazzjoni u ismu fil-fatt feġġ f’Mejju tal-2019 wara hold-up li kien wettaq fil-Gżira. John Paul Charles Woods allegatament kien stqarr mal-Pulizija li huwa kien qatel lil Charlene Farrugia f’appartmanet fil-Qawra, u wara li qattagħha biċċiet, u li ħbiha.

Woods kien inqabad mill-Pulizija wara hold up li allegatament kien wettaq f’ħanut fil-Gżira, u li huwa kien taħt l-influwenza tad-droga u alkoħol. Huwa kien ġie rrapputat li qal lill-Pulizija li kienet ‘qabżitilu’. Il-Pulizija kienet ikkonfermat li Woods, li twieled Portsmouth qatt ma ssemma qabel, qatt ma kien ġie mitkellem jew interrogat mill-Pulizija dwar l-għajbien ta’ Farrugia.

Huwa qed jiġi mixli wkoll li żamm lit-tfajla kontra l-volontà tagħha, li qered evidenza, li ħeba l-kadavru tagħha, li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja u li sar reċediv. Kien sena ilu, fit-3 ta’ Lulju 2020, li Woods tressaq il-Qorti mixli b’dawn ir-reati. Għalih qed tidher l-Avukat Roberta Bonello filwaqt li għall-familjari tal-vittma qed jidher l-Avukat Mario Mifsud. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Jonathan Ransley.