Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ tmien snin ħabs għal missier li ġiegħel lil ibnu jmur ma’ prostituti biex ma jsirx gay

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħdet Appell ta’ missier pensjonat ta’ 65 sena u kkonfermat sentenza mill-Ewwel Qorti li fi Frar li għadda kkundannatu tmien snin ħabs wara li fost oħrajn instab ħati li ġiegħel lil ibnu ta’ seba’ snin jieħu sehem f’attivitajiet sesswali ma’ żewġ prostituti li kien jieħu d-dar tiegħu biex ma jsirx gay.

Iż-żewġ prostituti rrappurtaw il-każ lill-aġenzija għall-protezzjoni tat-tfal, Appoġġ, bir-raġel li tressaq il-Qorti ħames snin ilu jagħżel li ma jixhidx fil-proċeduri li bdew kontrih. Meta kien ġie arrestat fl-istqarrija li huwa ta lill-Pulizija, dejjem kkontenda li l-prostituti mhumiex jgħidu l-verità.

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti kif ir-raġel kien iġiegħel lin-nisa jkollhom x’jaqsmu mat-tifel fid-dar tiegħu, u kif kien jixtieqhom jinvolvuh f’atti sesswali fi grupp. F’każ minnhom ħajjar mara tagħmel sess orali ma’ ibnu tant li spiċċat b’ħass ħażin fuqha u riedet tagħmel suwiċidju.

Ħareġ ukoll waqt il-provi li l-missier allegatament għamel dak li għamel għax ma riedx lil ibnu li llum għandu 13-il sena ma jispiċċax isir omosesswali għax diġà kellu żewġ membri tal-familja omosesswali. It-tifel qal lill-Pulizija kif missieru kien jheddu li jekk jitkellem, jibagħtu f’istitut waqt li n-nisa xehdu li kien jgħajjat miegħu u jsawtu meta ma kienx jirnexxielu jkompli magħhom fl-atti sesswali. Waħda min-nisa xehdet li l-missier kien jgħidilha tħalli lil ibnu jmissilha sidirha għax ma riedx li jkollu tifel gay.

Dan id-diskors kien ikkonfermat ukoll mill-prostituta l-oħra li qalet ukoll li t-tifel kien il-ħin kollu jipprova jaqbdilha sidirha u l-warrani u meta tiġbed l-attenzjoni ta’ missieru, kien jgħidilha biex tħallih għall-istess raġuni.
Skont il-Prosekuzzjoni t-tifel minkejja li għadda minn trawma jidher li issa jinsab tajjeb. Kien hemm żmien meta t-tifel spiċċa tant ‘brainwashed’ fejn kien jitkellem u jagħmel atti ta’ adult fejn jidħlu persunu tas-sess femminili.

Il-Pulizija bdiet tqies ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-prostitui bħala veritieri, aktar u aktar meta kellu lit-tifel għal tmien sigħat fid-Depot. Il-Pulizija kienu tawh pupi tal-playmobil u ħin minnhom rawh jilgħaq pupa u jgħid il-kliem li kien laqilha sidirha.

F’sentenza ta’ kważi sebgħin paġna, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħdet l-appell u kkonfermat l-akkużi kollha li nstab ħati tagħhom l-akkużat fosthom li kien jgħajjar lil ibnu ta’ seba’ snin ‘pufta’.
Il-Qorti qalet li mix-xhieda jirriżulta wkoll li l-missier kien iġiegħel lin-nisa jkollhom x’jaqsmu mat-tifel tant li darba minnhom anke ried li jkollu x’jaqsam ma’ prostituta flimkien ma’ ibnu. Irriżulta wkoll li t-tifel kellu fit-tablet ritratti tal-organu ta’ missieru u siti pronografiċi mniżżla fuqu.

L-esperti tal-Qorti qalu wkoll li l-minuri kien espost għal attivitajiet sesswali b’wieħed minnhom jgħid li meta rah jilgħab fil-klinika, għamel mossi li juru li kien espost għall-attivitajiet sesswali. Il-Qorti qieset dak li qalu n-nisa fuq it-tifel għax ħasset li kienu ġenwini u veritieri.

Qalet li dawn iddiskrivew fejn seħħu l-atti ta’ intimità, dak li kien jgħidlhom jagħmlu u dak li kien iġiegħel lit-tifel jagħmel fosthom sess orali, imiss il-parti tiegħu u sider in-nisa u jieħdu miegħu l-Marsa ħdejn il-prostituti. L-Imħallef Scerri Herrera qalet li tant il-missier ikkorrompa lil ibnu, li t-tifel stess beda jirrimarka fuq sider il-pupa mara u li kien ipoġġiha taħt il-pupu raġel. Irreferiet għax-xhieda tas-‘social workers’ u l-esperti mediċi li wkoll ikkonfermaw li t-tifel kellu bżonn ħafna terapija.

Għalhekk qalet li l-Ewwel Qorti preseduta minn dak iż-żmien Maġistrat Audrey Demicoli, llum Imħallef wasslet għall-ġudizzju tajjeb meta sabet lill-missier ħati ta’ dan ir-reat u saħqet li meta tqis id-dettalji allarmanti li jsawru l-każ, is-sentenza għandha tqarreb lejn il-piena massima.

Il-Qorti saħqet li dawn huma reati ta’ natura serja ħafna u iktar koroh għax twettqu minn missier fuq iben ta’ seba’ snin.Saħansitra qalet li meta tqies il-ħsara li kkaġuna lil ibnu u t-terapija li ħa, ma tistax timponi piena ikbar milli tat l-Ewwel Qorti minħabba l-fatt li l-appell sar mill-missier u mhux mill-Avukat Ġenerali.

“Din il-qorti tikkundanna dan l-għemil annimalesk fuq tifel ta’ età tenera u dan speċjalment li l-ħati huwa missier il-minuri, li xogħolu kien li jagħtih xejn għajr imħabba, għożża, gwida u kuntentizza. Kuntrarjament, esponieh għall-ħajja ta’ sess, swat, pornografija, prostituzzjoni u saħasitra drogi”, qalet l-Imħallef Scerri Herrera waqt li sostniet li ma tara ebda raġuni għax għandha tvarja s-sentenza li permezz tagħha tneħħa wkoll minn kull awtorità u jedd li seta’ kellu fuq ibnu.

L-Ispettur Joseph Busuttil li flimkien mal-Ispettur John Spiteri nvestiga l-każ, kien xehed li mara li kienet tgħix mal-akkużat kienet ukoll marret għand il-Pulizija u rrappurtat li kien se jeħodha l-Marsa għall-prostituzzjoni.