Lokali

“Kunsill Ġenerali li se jgħin biex ikompli t-tiġdid fl-istrutturi tal-PN”

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ Kunsill Ġenerali li se jinżamm bejn l-10 u s-17 ta’ Lulju. Dan il-Kunsill qed jinżamm issa wara li kien pospost fix-xhur li għaddew minħabba r-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19 fuq attivitajiet pubbliċi.

Net News ħa l-kummenti tas-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech illi spjegaljna x’se jiġri fil-Kunsill Ġenerali li jiġi fi tmiemu fis-17 ta’ Lulju.

“Il-Partit addotta sistema biex jaddotta l-ugwaljanza bis-serjetà f’dan il-Kunsill ħa jkun hemm diskussjoni politika, diskussjoni dwar emendi għall-istatut tal-Partit, kif ukoll l-elezzjonijiet għall-President tal-Kunsill Ġenerali u għar-rappreżentanti tal-Kunsill Ġenerali fl-Eżekuttiv tal-Partit. Minn dan il-Kunsill se jiġu eletti 18-il rappreżentant għal fuq il-Kumitat Eżekuttiv u l-Partit Nazzjonalista isegwi s-sistema fejn il-Kunsilliera kollha tiegħu jivvotaw fuq listi differenti biex ikun assigurat li jitilgħu sitt irġiel, sitt nisa, erba’ żgħażagħ u żewġ rappreżentanti minn Għawdex.”

Dawk il-Membri tal-Kunsill Ġenerali li jridu jikkontestaw fl-elezzjonijiet interni jistgħu jiġbru u jissottomettu n-nomini mingħand is-Segretarjat Generali tal-Partit Nazzjonalista, sat-Tlieta 6 ta’ Lulju f’nofsinhar.

“Il-Kunsill għandu jiftaħ f’Għawdex, aħna nemmnu ħafna f’Għawdex, jagħlaq ġimgħa wara fil-Belt Valletta, apparti l-votazzjoni li semmejtlek, se jsiru numru ta’ emendi lill-Istatut u kif ukoll il-Kunsilliera se jkunu qed jitkellmu u jistaqsu lill-Kap tal-PN Bernard Grech”

Bejn id-data tal-ftuħ u tal-għeluq tal-Kunsill Ġenerali se jkun hemm sessjoni fejn ikunu kunsidrati diversi emendi għall-istatut imressqa mill-Kumitat Eżekuttiv, laqgħat ta’ diskussjoni politika u l-elezzjoni tar-rappreżentanti mill-Kunsill Ġenerali għal fuq il-Kumitat Eżekuttiv.

B’hekk ikun ingħalaq il-proċess tat-tiġdid tal-istess Kumitat Eżekuttiv.

Kemm fl-ewwel sessjoni kif ukoll fl-aħħar sessjoni tal-Kunsill Ġenerali jkun hemm diskorsi mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit, Francis Zammit Dimech u mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.