Internazzjonali

L-Afganistan: Jitilqu l-aħħar qawwiet tal-Istati Uniti u n-NATO mill-bażi ta’ Bagram – bl-irtirar sħiħ tal-militar barrani qed jidher imminenti

L-uffiċjali tad-difiża fl-Afganistan qalu li l-aħħar qawwiet tal-Istati Uniti u n-NATO telqu mill-bażi tal-ajru ta’ Bagram (fl-Afganistan) minfejn tmexxiet il-gwerra kontra l-militanti Iżlamiċi f’dan il-pajjiż għal dawn l-aħħar 20 sena.

L-irtirar kapaċi jindika li hu imminenti l-irtirar komplut tal-entitajiet militari barranin kollha mill-Afganistan – u meta l-President Amerikan Joe Biden diġà qal li l-qawwiet tal-Istati Uniti se jkunu telqu kollha mit-territorji tal-Afgani sal-11 ta’ Settembru.

Madankollu, l-irtirar mill-bażi ta’ Bagram kien qed isir anki waqt li l-grupp tal-militanti Iżlamiċi tat-Taliban – il-moviment ewlieni tal-ġiħadisti fil-pajjiż – kien qed javvanza tul id-diversi bnadi tal-Afganistan.

Id-deadline tal-11 ta’ Settembru għall-irtirar tat-truppi Amerikani mill-Afganistan kien iddikjarat biex jaħbat mal-anniversarju tal-attakki terroristiċi storiċi tal-11 ta’ Settembru tal-2001 fuq l-Istati Uniti.

Dakinar, it-terroristi tal-grupp Al-Qaeda kienu ħatfu ajruplani tal-passiġġieri u użawhom bħala missili waqt attakki suwiċida fuq is-siti u kumplessi ewlenin fi New York u f’Washington.

L-Al-Qaeda, dak iż-żmien, kien ibbażat fl-Afganistan u kien qed jingħata appoġġ mit-Talibani li kienu ilhom jikkontrollaw il-pajjiż mill-bidu tas-snin disgħin.

Ftit wara l-attakki fuq New York u Washington, koalizzjoni militari taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti kienet invadiet lill-Afganistan fejn għelbet lill-Al-Qaeda u lill-militanti tat-Taliban fi kwistjoni ta’ ġimgħat.

L-Istati Uniti issa trid tikkonkludi l-itwal gwerra li qatt daħlet għaliha u li swiet prezz qares f’ħajja riżorsi mitlufa. Dan waqt li l-Amerikani, issa, qed iħallu s-sigurtà tal-poplu Afgan f’idejn il-Gvern ta’ Kabul.

Sa ftit jiem ilu kien maħsub li bejn 2,500 u 3,500 suldat Amerikan kienu għadhom fl-Afganistan u meta qed isiru t-tħejjijiet biex dawn jirritornaw id-dar mill-aktar fis. Dan meta fl-aħħar sigħat telqu diversi kontinġenti ta’ truppi barranin – inklużi mill-Ġermanja u l-Italja — li kienu qed jgħinu l-missjoni tan-NATO fl-Afganistan.

Sadanittant, il-pjan jesiġi biex, għalissa, ikun hemm anqas minn 1,000 suldat Amerikan fl-Afganistan fil-ġimgħat ta’ qabel ma jiskadi d-deadline.

Madankollu, it-Talibani – li qed jieħdu nifs ġdid fost l-irtirar tat-truppi barranin mill-Afganistan – reġgħu ħatfu kontroll f’diversi distretti tal-pajjiż u hemm il-biża’ li l-Afganistan jgħaddi minn gwerra ċivili ġdida wara t-tluq tal-militar barranin kollha.

Presentational grey line