Fil-Qorti t’Għawdex, il-Ġimgħa filgħodu beda jinstema l-appell li ppreżenta l-Avukat Ġenerali fil-konfront ta’ Anthony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono.
L-avukat difensur Joe Giglio saħaq li dan l-appell qatt ma kellu jiġi ppreżentat u m’hemm l-ebda raġuni valida biex dan l-appell jiġi milqugħ. Huwa stqarr li “lkoll nafu l-liġi x’tipprovdi f’sitwazzjonijiet simili u għalhekk dan l-appell huwa vessatorju u fieragħ.
Fil-Qorti, Joe Giglio stqarr li meta wieħed jisma dak li kellu xi jgħid l-Avukat Ġenerali taħseb li ma sar ebda eżerċizzju mill-ewwel Qorti u taħseb li l-Imħallef Neville Camilleri m’għamilx xogħolu sew.
F’isem Anthony Debono, Joe Giglio saħaq li Joseph Cauchi li ħa l-whistleblower status, ħaseb li b’din il-kawża li fetaħ, ser jieħu il-flus li qal li għandu jieħu u mhux minħabba imħabba li għandu lejn il-ġustizzja.
Giglio temm jgħid li sabiex nuru li l-istituzzjonijiet tagħna verament qed jaħdmu, irridu nwasslu l-messaġġ li dan l-appell ma jistax jiġi ġġustifikat. Dan filwaqt li għamel talba biex l-Avukat Ġenerali jiġi skont il-liġi mmultat talli ppreżenta appell fieragħ.
Anthony Debono kien tressaq mill-Assistent Kummissarju, Ian Abdilla, li kien imexxi t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, u l-Ispettur, Rennie Stivala, bi 13-il akkuża, fosthom misapproprijazzjoni, frodi u falsifikazzjoni għad-dannu tal-Gvern fis-sena 2013 u qabel.
Lura f’Marzu, Anthony Debono kien ġie liberat mill-akkużi li saru numru ta’ snin ilu fil-konfront tiegħu – sentenza li twaqqa’ l-istejjer kollha li kien imbotta l-Partit Laburista biex jipprova jkisser lil Giovanna Debono.
//= $special ?>