“Minkejja d-diffikultajiet li sibt ma wiċċi, qatt ma kelli l-għażla li nieqaf. Kont se naqta’ qalbi imma għamilt kuraġġ.”
Hekk stqarr l-għawwiem Neil Agius, waqt konferenża tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa….wara li hu kiser rekord dinji b’għawma ta’ 130km minn Linosa sa Ghawdex – Sfida illi ħadet madwar 52 siegha. Ir-rekord ta’ Agius tniżżel bħala l-itwal għawma li qatt saret …mingħajr l-ebda assistenza.
L-għan tal-għawma kien li tkompli titqajjem kuxjenza għall-kampanja ‘Wave of Change’ kif ukoll biex jinġabru miljun biċċa plastik mill-baħar u jinkoraġixxi lin-nies jieqfu milli jħammġu l-baħar.
Neil Agius tenna li għalkemm hu u t-tim tiegħu qattgħu xhur sħaħ jippjanaw din l-isfida, id-diffikultajiet li sab ma’ wiċċu minħabba l-kurrent, kienu kważi qataghulu qalbu għal kollox. Din l-għawma oriġinarjament kellha ssir bejn it-Tuneżija u Sqallija iżda minħabba l-maltemp, kellha tinbidel ir-rotta – rotta li kienu ilhom jaħdmu fuqha madwar 8 xhur. Neil stqarr illi li kieku baqgħu bl-istess tir, l-għawma kienet se tieħu madwar 70 siegħa.
Apparti dan, Neil stqarr li ma kellux kontroll fuq id-diffikultajiet fiżiċi li din l-esperjenża ġabet magħha. Huwa qal li wara li kienu għaddew ftit siegħat, ħass uġiħ f’saqajh u ħaseb li minħabba f’hekk kien se jtemm l-sfida tiegħu. Iżda bl-għajnuna tat-tim mediku li kontinwament kienu qed jassistuh u bis-sapport li tagħtu t-tfajla tiegħu Lara waqt din l-għawma, qawwa qalbu u kompla b’din l-avventura… avventura illi żgur se tibqa stampata f’moħħu tul ħajjtu kollha.
Neil Agius sostna wkoll illi minħabba n-nuqqas ta’ rqad, beda jħossu qed jintilef minn sensih u saħansitra kellu alluċinazzjonijiet. Iżda, qal li wara xhur sħaħ ta’ preparamenti, baqa’ determinat illi jikser dan ir-rekord dinji u jasal sal-aħħar.
Neil Agius saħaq illi hu flimkien mat-tim tiegħu mhux se jiefqu hawn u se jibqgħu jaħdmu sabiex iqajjmu kuxjenza rigward ambjent sostenibbli.