Il-Ġimgħa ġew preżentati l-miżuri ġodda li se jkunu introdotti fir-residenzi tal-anzjani, u li se jidħlu fis-seħħ mit-3 ta’ Lulju.
Mis-Sibt, fil-fatt, iż-żjarat se jkunu jistgħu jsiru filgħodu għal siegħa, u siegħa u nofs waranofsinhar. Il-ħinijiet għaż-żjarat mhux se jkunu fissi u kull residenza se tkun qed tiddeċiedi hi l-ħin, minħabba li kull dar tal-anzjani se tkun qed timxi skont l-esiġenzi tal-ġurnata tagħha.
Intqal li għal kull żjara importanti li l-persuni jibqgħu bil-maskra u li jkunu ħadu l-vaċċin. Il-massimu ta’ persuni li jistgħu jżuru lill-anzjani huwa dak ta’ tnejn, iżda mhux bilfors ikunu ġejjin mill-istess residenza.
Tħabbar ukoll li mid-19 ta’ Lulju l-anzjani se jkunu jistgħu jibdew joħorġu waħedhom, bl-appell jibqa’ biex l-anzjani li jagħmlu dan ikunu kawti u jħarsu lilhom infushom u lil ta’ madwarhom.
Minn dak il-jum se jinfetħu mill-ġdid in-night shelters u se jitneħħew r-restrizzjonijiet ta’ anzjani li jmorru fiċ-ċentri ta’ matul il-jum. Intqal li huwa importanti li ġewwa, il-maskra dejjem trid tintlibes.
L-appell hu sabiex qraba li mhux imlaqqma ma jidħlux fil-kmamar tal-anzjani. Dan għandu jsir b’rispett mhux biss lejn il-persuna li marru jaraw, imma wkoll lejn il-persuni li jkunu jinsabu fl-istess kamra jew dar tal-anzjani tal-persuna għażiża tagħhom.
Mill-informazzjoni li ngħatat tul il-konferenza tal-aħbarijiet, intqal li 99% tal-anzjani f’San Vinċenż issa huma mlaqqma, filwaqt li 97% tal-anzjani li jinsabu fid-djar tal-anzjani ukoll ħadu l-vaċċin.
//= $special ?>