Lokali

AĠĠORNATA: Raġel Filippin jinqatel b’daqqiet ta’ sikkina wara argument bejn il-koppja

Raġel barrani ta’ 44 sena li joqgħod il-Mellieħa, inqatel b’daqqiet ta’ sikkina fid-dar tiegħu stess fi Triq il-Fortizza, il-Mellieħa.

Minn informazzjoni li waslitilna jidher li r-raġel instab mejjet fir-residenza tiegħu. Il-Filippin miet fuq il-post.

Ritratt: Matthew Tabone

Mhux eskluż li r-raġel inqatel minn mara Filippina ta’ 44 sena li toqgħod ukoll il-Mellieħa. Il-mara fil-fatt ġiet miżmuma mill-Pulizija wara li kienet hi stess li ċemplet għall-assistenza. Din it-telefonata saret ftit qabel is-1am.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Rachel Montebello filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Mill-investigazzjonijiet illi saru s’issa, rriżulta li l-vittma kellu daqqa ta’ sikkina f’sidru u f’għonqu. Il-Pulizija elevat ukoll żewġ skieken li allegatament intużaw fl-omiċidju.

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Filippin instab mill-Pulizija mixħut wiċċu ’l isfel fil-kċina, mgħotti b’liżar.