Lokali

Rosianne Cutajar tinstab ħatja prima facie ta’ ksur ta’ etika

Il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler wasal għall-konklużjoni li l-eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar kisret il-kodiċi tal-etika meta aġixxiet ta’ sensara

Il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar instabet ħatja ta’ ksur ta’ etika mill-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler dwar kif irċeviet eluf ta’ ewro fi ħlas għal senserija minn bejgħ ta’ propjetà fl-Imdina.

Rapporti qalu li l-Kummissarju għadda r-rapport lill-ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia. Meta dan isir, jiġifieri meta l-Kummissarju tal-Istandards jgħaddi rapport lill-ispeaker, ikun ifisser li tkun instabet ksur tal-etika.

Issa huwa mistenni li dan ir-rapport ikun diskuss fil-Kumitat Parlamentari tal-Istandards fil-ħajja pubblika, u minn hemm nistennew jekk dan ir-rapport hux se jkun ippubblikat jew le.

Il-Kumitat issa jrid li jiddeċiedi jekk jikkonfermax dak li sab Hyzler, u biex jiddeċiedi x’għandu jsir. Dan il-Kumitat huwa l-uniku wieħed li fih m’hemmx maġġoranza ta’ deputati tal-Gvern.

Kien ġie rrappurtat li Cutajar irċeviet aktar minn €46,000 għas-senserija ta’ palazz fl-Imdina li jiswa mat-€3 miljun, biex dan jinbiegħ lil Yorgen Fenech. In-negozjati ntemmew ħesrem meta Fenech ġie arrestat għall-assassinju fl-2019.

Is-sidien tal-propjetà jridu rifużjoni tal-ħlasijiet, li ma ssemmewx fid-dikjarazzjoni tal-assi li għamlet Cutajar lill-Parlament.

Oriġinarjament, din l-istorja kienet harget f’Diċembru li għadda meta ġie żvelat kif Rosianne Cutajar issieħbet mal-ħabib tagħha Charles Farrugia, magħruf bħala it-Tikka, biex jinnegozjaw l-ftehim dwar proprjetà ta’ €3.1 miljun bejn Fenech u l-bejjiegħ tal-istess proprjetà, Joseph Camilleri.