Lokali

Dun Buhagiar jinħatar arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Albert Buhagiar bħala arċipriet tal-parroċċa ta’ San Filep ta’ Aġira, Ħaż-Żebbuġ.

B’hekk, Dun Buhagiar se jkun qed iservi lil parroċċa li fiha popolazzjoni ta’ madwar 12,000 persuna.

Dun Albert Buhagiar twieled Ħal Tarxien fid-19 ta’ Awwissu 1964. Huwa rċieva l-formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat, u segwa l-istudji tal-Filosofija u t-Teoloġija fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Lulju 1993.

Dun Albert serva bħala viċi kappillan fil-parroċċa tal-Gżira u fil-parroċċa taż-Żejtun. Fl-1996 ġie appuntat segretarju privat tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Fl-istess żmien wettaq ukoll ħidma pastorali fil-parroċċi ta’ Wied il-Għajn u Ħal Luqa. Huwa kien ukoll arċipriet tal-parroċċi tas-Siġġiewi u l-Mosta. F’Jannar tal-2017 nħatar bħala Rettur tas-Seminarju tal-Arċisqof.