Sport Waterpolo

FILMAT: It-tim nazzjonali U15 tal-waterpolo preparat biex iħabbatha mal-aqwa nazzjonijiet fl-Ewropa

Rapport: Stewart Said

Lejn l-aħħar ta’ Mejju li għadda, it-tim nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena kkwalifika għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew b’rebħa kontra s-Slovenja u draw kontra Franza biex saħansitra t-tim Malti rebaħ il-grupp ta’ kwalifikazzjoni. Iż-żgħażagħ Maltin ħallew pajjiżna l-Ħamis fi triqthom lejn Loulè fil-Portugall biex iħabbtuha mal-aqwa timijiet fl-Ewropa.

Iż-żgħażagħ Maltin telgħu fi Grupp B kontra l-qawwiet tal-Italja, ir-Rumanija u Spanja. Minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-Covid-19, il-preparazzjoni tat-tim Malti ma tantx kienet ideali. Tal-anqas fl-aħħar jiem, irnexxielhom jorganizzaw diversi partiti ta’ ħbiberija kontra timijiet tal-Kampjonat Premier u tal-Ewwel Diviżjoni.

Ftit jiem qabel ħallew pajjiżna, Net Sports iltaqa’ mal-kowċ nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena Anthony Farrugia, fejn spjega x’inhuma l-ambizzjonijiet tat-tim Malti f’dan il-Kampjonat Ewropew. Farrugia hu konxju mid-diffikultajiet li t-tim Malti jista’ jkollu, speċjalment minħabba li f’sebat ijiem, se jilagħbu xejn anqas minn sitt logħbiet. Il-kampjonat Malti ta’ dawn iż-żgħażagħ jibda fis-17 ta’ Lulju li ġej.

Skwadra Maltija: Dale Galea Mule, Luigi Dimech, Jayden Cassar, Julian Chircop, Dean Bugeja, Zak Cutajar Licari, Jamie Pace Mizzi, Isaac Azzopardi, Gabriel Bonavia, Myron Brimmer, Lee Montebello Brownrigg, Jayden Cutajar, Cain Cutajar, Enrico Mallia, Elijah Schembri

Grupp B

Għada: Italja v Malta 10.30am

It-Tnejn: Rumanija v Malta 12.00pm

It-Tlieta: Spanja v Malta 6.00pm

Wara dawn il-logħbiet, iż-żgħażagħ Maltin ikomplu bil-logħob ta’ klassifikazzjoni.