Lokali

Il-Gvern għandu jispjega x’qed jiġri fl-Uffiċju tal-Kummissarju tal-Volontarjat – PN

L-aħbar tar-riżenja tal-Kummissarju tal-Volontarjat, Dr Anthony Abela Medici jidher li hi lqofol ta’ serje t’avvenimenti nkwetanti li seħħew fl-Uffiċju tiegħu. Wara diversi għajdut li waslu għand l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, din għamlet numru ta’ mistoqsijiet fil-Parlament lill-Gvern, iżda s’issa, wara diversi jiem, ma rċeviet ebda risposta.

Fi stqarrija l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Fondi Ewropej u l-Għaqdiet Volontarji Kevin Cutajar, saħaq li għalhekk, wara aktar għajdut u wkoll tħassib minn ħafna għaqdiet volontarji, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed terġa’ ssaqsi dawn il-mistoqsijiet: . Min huma l-persuni li mingħalihom issolva kollox bir-riżenja tal-Kummissarju tal- Volontarjat? Veru li r-riżenja tal-Kummissarju tal-Volontarjat ġiet sfurzata b’indħil ta’ Kastilja? Ġew mitluba riżenji oħra u jekk iva ta’ min?

Nistaqsu wkoll kemm huma l-għaqdiet li mhux konformi u kif qed jingħataw għajnuna biex jirregolarizzaw rwieħhom? Hemm għaqdiet li minkejja li mhux konformi ħadu xi fondi lokali jew Ewropej? Kemm jammontaw dawn il-fondi?
Huwa minnu li hemm inkjesta fir-rigward mitluba mill-Awditur Ġenerali? U jekk hu veru li hemm din l-inkjesta, fejn waslet?

L-għaqdiet volontarji ta’ pajjiżna qed jistennew risposti mill-Gvern Laburista għax xebgħu jitgħabbew b’piżijiet li l-unika skop tagħhom hu biex l-istess Gvern Laburista jidher li qed jipprova jsolvi l-problemi li hu u nies tal-qalba għoġobhom joħolqu.