EURO 2020 Futbol Sport Stadju Finali

Il-mixja sorprendenti tad-Daniżi tkompli…b’Eriksen f’moħħ il-plejers

Il-kowċ tad-Danimarka, Kasper Hjulmand, wara r-rebħa ta' kontra r-Repubblika Ċeka

Il-mixja impressjonanti tad-Danimarka f’din il-Euro 2020 tkompli. Sal-lum din tad-Danimarka kienet storja tassew partikolari, u meta wieħed jiftakar kif bdiet, u dak li ġara fl-ewwel logħba tagħhom kontra l-Finlandja, allura bilfors jifhem u japprezza li dak li għamlu s’issa t-tim nazzjonali Daniż, taħt it-tmexxija tal-kowċ, Kasper Hjulmand, kien sempliċiment speċjali u b’sinifikat.

Fil-konferenza stampa ta’ wara r-rebħa fil-kwarti tal-finali kontra r-Repubblika Ċeka, Hjulmand stqar li tul din il-mixja, li wasslithom sa Wembley Stadium, huma qed iġorru f’moħħhom u f’qalbhom, lill-kollega u ħabib tagħhom, Christian Eriksen. Dan hu s-sigriet li s’issa wassalhom sas-semi-finali tal-Euro 2020, b’tama u b’possibiltá li dejjem qed tikber, li jirrepetu dak li l-istess tim nazzjonali Daniż kien għamel b’sorpriża fil-Euro tal-1992. Dak in-nhar, fl-edizzjoni li kienet organiżżata fl-Iżvezja, id-Danimarka, ma kellhomx ikunu fost il-pajjiżi finalisti tal-Euro iżda kkwalifikaw għall-Kampjonati Ewropej ta’ dik is-sena, wara li ħadu post l-Jugoslavja, li sfaw skwalifikati wara l-qasma politika tal-pajjiż. Eventwalment id-Daniżi, dak in-nhar immexxija mill-kowċ Richard Møller Nielsen spiċċaw biex rebħu dan it-turnament Ewropew, f’dik li kienet waħda mis-sorpriżi l-kbar tal-futbol internazzjonali.

It-tim nazzjonali tad-Danimarka, jiċċelebra l-unur ta’ champions tal-Ewropa fl-1992.

Jibqa’ fatt, għaliex qed jidher ċar fir-riżultati miksuba mid-Danimarka f’din il-Euro, li dak li għadda minhu Christian Eriksen lejn it-tmiem tal-ewwel taqsima tal-ewwel partita ta’ din il-kompetizzjoni, meta waqa’ mal-art f’daqqa, b’attakk tal-qalb waqt li kien qed jilgħab, kabbar mhux ftit l-istatura tal-iskwadra. Illum wieħed jista’ jikkonkludi li dak li kien episjodu ikraħ, u li kulħadd, u mhux anqas id-Daniżi nnfushom, għexu b’tant tensjoni u biżgħa, kien fattur li ħadem u għen biex għaqqad lit-tim aktar minn qatt qabel.

Hjulmand żied jgħid: “Kuljum qed naħseb f’Christian (Erkisen). F’din l-avventura tagħna llum, hu kellu jkun magħna. Ninsabu kuntenti li baqa’ ħaj, u b’dan l-ispirtu pożittiv tagħna, anke llum, għall-partita ta’ kontra r-Repubblika Ċeka, komplejna nġorru lil Christian f’moħħna u se nerġgħu nagħmlu l-istess meta se nkunu qed nilgħabu f’Wembley.”