Il-verżjoni tal-Labour tal-aqwa fid-dinja hi li nkunu fl-istess lista ma’ pajjiżi bħal Zimbabwe il-Yemen, Haiti u s-Sudan t’Isfel.
Ir-riżultat tal-grey listing mill-FATF ilu ġej u wasal wara diversi azzjonijiet tal-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar tmien snin.
Sostna dan l-eks President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem Arthur Muscat. F’artiklu fuq il-ġurnal Times of Malta, Muscat elenka sensiela ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern li taw majnata lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Fosthom l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti fl-2014, ir-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers fl-2016 fejn il-maġġoranza tal-poplu sejjaħ għar-riżenji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi u s-suspetti serji fuq il-Bank Pilatus li għamel snin sħaħ jibqa’ jopera.
Fuq livell internazzjonali, jispikkaw id-deals tal-isptarijiet u l-proġett tal-windfarm fil-Montenegro filwaqt li lokalment, min jabbuża sab istituzzjonijiet imdgħajjfa u bla snien.
Arthur Muscat qal li issa, l-aġir tal-Gvern Laburista laħaqna u l-pajjiż kollu se jispiċċa jħallas il-konsegwenzi. Issa il-Gvern Laburista qed isejjaħ għall-għaqda biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni li hi unikament tort tal-istess Gvern f’dawn l-aħħar tmien snin.
Il-ballun issa hu f’saqajn il-labour u l-pajjiż qed jistenna li jbiddel l-aġir li se jikkawża tant ħsara lil settur tas-servizzi finanzjarji li jimpjega eluf ta’ persuni.
Muscat qal li l-ewwel pass għandu jkun li ma nibqgħux ninsistu fuq il-bejgħ tal-passaporti għax huwa proċess li qed jantagonizza lil pajjiżi ħbieb u ġirien tagħna.