Lokali

L-artisti jappellaw biex jitħallew isiru attivitajiet ikkontrollati u skont il-miżuri tal-COVID

“Hi ta’ sfortuna li jekk tapplika llegalment għandek ċans ikbar li tirnexxi… u dan hu messaġġ ħażin għall-artisti kollha.”

Kien dan il-messaġġ li twassal mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija ghall-Arti u d-Divertiment, Howard Keith Debono waqt protesta li saret mill-artisti lokali.

Huma qalu li jifhmu li fid-dawl tal-pandemija ma jistgħux isiru attivitajiet kbar bħalma kienu jsiru qabel iżda qed jappellaw biex isiru attivitajiet b’udjenza xierqa ħalli hekk l-artisti jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin.

L-artisti preżenti saħqu li x-xogħol tal-artisti qed ikun bħala wieħed mhux importanti. Huma qalu li ilhom mal-15-il xahar magħluqin b’riżultat li numru kbir ta’ artisti diġa’ marru jfittxu xogħol ieħor. Saħqu li dan ifisser li qed jittiħdilhom id-dritt li jkunu jistgħu jaħdmu, b’Malta qed titlef l-identità tagħha ma kull jum li jgħaddi.

Preżenti għal din il-protesta kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura, Karl Gouder.