Lokali

L-entitajiet iridu juru aktar sensittivita għall-ambjent

Għal darb’oħra l-Partit Nazzjonalista ngħata raġun mill-Ombudsman din id-darba rigward il-pont pedonali mtellgħa bejn Triq it-Tiġrija u Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa.

Dan hekk kif wara li rċieva ilment mingħand il-Kelliem tal-Oppożzjoni għall-Ambjent, Robert Cutajar, dwar xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mingħajr permess minn Infrastructure Malta, l-Ombudsman saħaq hemm bżonn isir xi ħaġa biex dak li seħħ ma jerġax jitwettaq.

Dan wara li Infrastructure Malta infurmat lil Ombudsman li ma setgħetx tistenna aktar għaliex kienu waslu fi stat meqjus urġenti biex jitlestew ix-xogħlijiet. Madanakollu l-Ombudsman spjega li għandha tintwera aktar sensittività u jekk verament l-emerġenza kienet teżisti din setgħet faċilment tiġi riżolta permezz ta’ soluzzjoni inqas drastika bħal pelican lights sakemm tiġi solvuta s-sitwazzjoni.

Ir-rapport wera li l-Gvern qed jabbuża mis-sistema tiegħu stess wara li l-Ombudsman insista li dan kollu qed jindika li l-istat qed jaqa fil-burokrazija tiegħu stess u għaldaqstant saħaq li s-soluzzjoni għandha tkun li titaffa u mhux li tinqabeż il-burokrazija.

Dan hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar kkunsidrat ix-xogħol tal-bini tal-pont pedonali tal-azzar bħala mhux żvilupp u għaldaqstant ma kellux bżonn permess. L-Ombudsman insista li jekk l-entitajiet ma jurux sensittivita lejn l-ambjent mela ħa jkun diffiċli ferm li l-pubbliku in ġenerali se juri tali sensittività.

Għal darb’oħra l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ngħatat raġun mill-Ombudsman wara li ftit tax-xhur ilu, grazzi għal każ li tressaq quddiemu mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, huwa kkonkluda li l-Gvern Laburista wettaq xogħlijiet f’Kemmuna f’żona protetta u mingħajr permess…li sfortunatament ikkaġunaw ħsarat irreparabbli.

Tags