Ġew mħabbra protokolli ġodda b’rabta ma attivitajiet kulturali u artistiċi li ġabu magħhom aktar konfużjoni…bl-introduzzjoni tal-bubbles.
B’reazzjoni għall-appelli tal-aħħar jiem, l-Awtoritajiet spjegaw li mill-5 ta’ Lulju l-avvenimenti tal-massa jistgħu jsiru iżda trid tiġi applikata r-regola ta’ mitt ruħ kull bubble.
In-numru ta’ restrizzjonijiet abbinati ma’ dawn qed iwasslu biex dan ix-xaqq ta’ dawl jidher daqslikieku hu impossibli li jsiru xi tip ta’ avvenimenti ta’ dan it-tip.
Dan hekk kif għal kull bubble trid tiġi applikata d-distanza fiżika ta’ mhux iktar minn persuna waħda kull erba’ metri kwadri, irid ikun hemm entratura u ħruġ għal kull bubble, u jrid ikun hemm ukoll faċilitajiet u staff assenjati għal kull sezzjoni.
Iżda biex jiġu applikati dawn ir-restrizzjonijiet kollha, wieħed jirrekjedi li jsib post kbir biżżejjed biex iservi dawn il-bubbles kollha… liema postijiet ftit li xejn għandna minnhom f’pajjiżna… barra l-ispiża li tiġi biex jiġu akkomodati r-restrizzjonijiet kollha.
Ta’ min wieħed jinnota li kull min se jattendi dawn l-attivitajiet irid ikun imlaqqam b’mod sħiħ filwaqt li jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin meta jibbukjaw minn qabel. Wieħed ma jistax jixtri l-biljetti mal-bieb.
Dan filwaqt li kull persuna trid tibqa’ bilqiegħda waqt li tilbes il-maskra f’kull waqt sakemm persuna ma tkunx qed tiekol jew tixrob. L-udjenza tista’ tkun ukoll bilqiegħda fi gruppi ta’ mhux iktar minn sitta b’distanza ta’ żewġ metri bogħod minn gruppi oħra.
Intant biex tfal ta’ bejn il-ħames u ħdax-il sena jattendu għal tali attivitajiet iridu jippreżentaw test negattiv li ma jkunx sar iktar minn 24 siegħa qabel l-avveniment filwaqt li jkunu ma’ adult li jkun tlaqqam b’mod sħiħ.
//= $special ?>