Lokali

Robert Abela għadu ma ħax deċiżjoni fuq Rosianne Cutajar

“Se nkun qiegħed nistenna d-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards – wieħed jieħu d-deċiżjoni dakinhar”.

Kien dan id-diskors li ripetutament saħaq il-Prim Ministru Robert Abela dwar jekk kienx se jieħu passi fil-konfront tad-Deputat Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar.

Issa, 24 siegħa wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, wasal għal konkluzjoni li l-eks Segretarju Parlamentari kisret il-kodiċi ta’ etika meta għamlitha ta’ sensara….Robert Abela għadu qed ikaxkxar saqajh.

Cutajar instabet ħatja bi ksur ta’ etika mill-Kummissarju tal-Istandards dwar kif irċeviet eluf ta’ ewro fi ħlas għal senserija minn bejgħ ta’ proprjetà fl-Imdina…wara li aktar kmieni din is-sena kien ġie rrapportat li d-Deputat Laburista rċeviet aktar minn €46,000 f’senserija sabiex dan jinbiegħ lin-negozjant Yorgen Fenech.

In-negozjati waqfu ħesrem wara li Fenech kien ġie arrestat b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia lura fl-2019…bis-sidien tal-proprjetà jitolbu rifużjoni tal-ħlasijiet…ħlasijiet li Rosianne Cutajar qatt ma semmiet fid-dikjarazzjoni tal-assi li għamlet fil-Parlament.

Għaldaqstant, filwaqt li r-rapport ta’ George Hyzler issa jrid jiġi diskuss fil-Kumitat Parlamentari tal-Istandards fil-ħajja pubblika…. il-poplu Malti u Għawdxi issa qed jistenna li Robert Abela ma jdurx lura minn kelmtu u jieħu l-passi meħtieġa fil-konfront tad-Deputat tiegħu…