Sport Waterpolo

Tiġi fi tmiemha l-karriera ta’ Mario Dalli bħala referee tal-waterpolo

Il-waterpolo Malti tilef pedina importanti fis-settur tar-referees, hekk kif Mario Dalli ħabbar li rtira minn referee lokali u internazzjonali b’effett immedjat. fl-età ta’ 55 sena. F’karriera ta’ aktar minn 30 sena, Dalli maż-żmien sar wieħed mill-aktar referees li laħaq livell għoli fl-istorja tal-waterpolo Malti.

Hu kkontrolla partiti fil-kategoriji kollha tal-waterpolo filwaqt li fix-xena internazzjonali kkontrolla logħbiet mill-kompetizzjonijiet Ewropej tal-klabbs kif ukoll Kampjonati Ewropej u Kampjonati tad-Dinja. Jispikkaw il-prestazzjonijiet tiegħu fil-Kampjonat Ewropew tal-2016 u l-finali tal-Universiade bejn l-Italja u l-Istati Uniti fl-2019.

Fi stqarrija, Dalli sellem lill-eks Presidenti tal-ASA Bertie Muscat u Robbie Ebejer flimkien mal-Kumitat Tekniċi tal-Waterpolo fil-LEN u l-FINA. Hu rringrazzja wkoll lil sħabu r-referees, l-uffiċjali tal-klabbs, il-plejers u l-ASA.

Dalli jokkupa wkoll il-kariga ta’ President tal-Malta Waterpolo Referees Association u l-intenzjoni tiegħu hi li jibqa’ membru mhux attiv tal-assoċjazzjoni.