“Ngħinu lil Maltin u l-Għawdxin fejn ma ninsew lil ħadd.”
Kliem il-Prim Ministru, Robert Abela f’kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista fejn ftaħar li matul dawn l-aħħar xhur, hu dejjem ta prijorità lill-karba tal-poplu Malti… anke jekk jum wara l-ieħor, numru kbir ta’ Maltin u Għawdxin qed jaffaċċjaw diversi tbatijiet u inġustizzji. Anke jekk jum wara l-ieħor qed naraw Gvern li ma jimxix ma’ kulħadd bl-istess kejl.
Fost dawn hemm l-artisti Maltin li ilhom mas-16-il xahar jitolbu lill-awtoritajiet biex jgħatuhom widen, b’uħud ma kellhomx għażla oħra ħlief li jwarbu mill-professjoni li ilhom ħajjithom kollha jaħdmu għaliha u jsibu xogħol ieħor.
Kien biss issa wara dawn ix-xhur kollha li wara pressjoni kbira li saret minn dawn il-persuni li jaħdmu fl-industrija tad-divertiment u l-arti li l-Gvern iddeċieda li jħabbar protokolli ġodda b’rabta ma attivitajiet kulturali u artistiċi li ġabu magħhom aktar konfużjoni… bl-introduzzjoni tal-bubbles.
U minkejja dan kollu, Robert Abela jibqa’ jisħaq li hu qam għall-battalja kontra l-COVID-19.
“Ma qagħdnix nibku xortina li ġiet il-pandemija,” qal Abela.
Anke jekk ftit tax-xhur ilu kien qal li “għandu pressjoni enormi li ilha tkissru għal dawn l-aħħar xhur.”
Diskors li jġiegħlek taħsibha darbtejn jekk dan il-Prim Ministru hux f’pożizzjoni li jmexxi lil Malta. Fejn fost l-oħrajn ta’ min wieħed ifakkar il-famużi frażijiet li smajna fuq il-pandemija tal-COVID minn Robert Abela.
“Minn Mejju business as usual”
“Se nirritornaw għan-normalità sħiħa”
“Il-pandemija hi warajna”
Bil-Prim Ministru jibqa’ jinsisti li l-Gvern Labrusita jwettaq dak kollu li jwiegħed.

