Internazzjonali

Belt tal-Vatikan: Il-Papa Franġisku jħejji għal kirurġija

Il-Papa Franġisku fl-aħħar sigħat iddaħħal l-isptar f’Ruma fost rapporti li jrid jgħaddi minn operazzjoni għal problemi fil-musrana.

Il-kelliem għall-Vatikan, Matteo Bruni, qal li għandha toħroġ aktar informazzjoni ladarba ssir il-kirurġija fl-Isptar ta’ Gemelli, fil-kapitali Taljana.

Aktar qabel, il-Papa, li għandu 84 sena, kien indirizza lill-eluf ta’ viżitaturi li nġabru fi Pjazza San Pietru ta’ Ruma.

Din hi l-ewwel darba li l-Kap tal-Kattoliċi – eks Isqof ta’ Buenos Aires fl-Arġentina — kellu jiddaħħal l-isptar mindu kien ikkonfermat Papa, fl-2013.

Sadanittant, il-Vatikan, permezz ta’ stqarrija, qal li l-Papa jeħtieġ it-trattament għas-sintomi speċifiċi minn kundizzjoni tal-imsaren partikulari’ — u mingħajr ma provda aktar dettalji.