L-Ingilterra għandha tidħol dalwaqt f’perjodu fejn ma jkunux imposti aktar ir-restrizzjonijiet għall-pubbliku li saru komuni waqt il-pandemija tal-Covid-19. F’dan il-perjodu, il-pubbliku jkun irid jeżerċita ‘responsabbiltà personali’ dwar il-miżuri tas-sigurtà li jaħseb li huma adatti – inkluż l-ilbies tal-maskri tal-wiċċ.
Il-Ministru Britanniku responsabbli mid-Djar, Robert Jenrick, qal, waqt li deher fuq programm tal-BBC, li n-nies għandhom jaslu għal ‘konklużjonijiet differenti’ rigward il-maskri iżda hu konvint li n-nies se jagħmlu l-aħjar deċiżjonijiet fiċ-ċirkustanzi.
Fl-istess ħin, Jenrick qal li hu, personalment, mhux se jilbes maskra tal-wiċċ ‘ladarba jasal iż-żmien’ u meta r-restrizzjonijiet legali kollha fl-Ingilterra għandhom jitneħħew fid-19 ta’ Lulju.
Intant, numru ta’ tobba fl-Ingilterra wissew li xi miżuri – fosthom l-użu tal-maskri tal-wiċċ – għandhom jibqgħu rispettati ‘il hinn minn Lulju. Dan meta l-Assoċjazzjoni Medika Britannika, fi tmiem il-ġimgħa, fissret iż-żieda ġdida fl-infezzjonijiet bil-varjant tal-coronavirus bħala ‘allarmanti’.
Madankollu, Robert Jenrick hu fiduċjuż li r-restrizzjonijiet għall-pubbliku ‘se jispiċċaw’ fid-19 ta’ Ljulu grazzi għas-suċċess tal-programmi tat-tilqim. Hu anki jemmen li l-pajjiż se jkun kapaċi jirritorna għan-normalità malajr kemm jista’ ikun.
Fl-istess ħin, il-Ministru ammetta li l-każi tal-infezzjoni kapaċi jitilgħu b’mod sinifikanti aktar ma jonqsu r-restrizzjonijiet — iżda fakkar ukoll li l-poplu, issa, irid jidħol f’perjodu ta’ żmien differenti ‘fejn jitgħallem jgħix fost iċ-ċirkustanzi tal-virus’. Hu hawnhekk saħaq biex in-nies jieħdu xorta waħda l-prekawzjonijiet li jqisuhom xierqa minbarra responsabbiltà personali għall-mod kif jgħixu ħajjithom.
Sadanittant, fil-Brażil, għexieren ta’ eluf ta’ nies ħarġu fit-toroq fid-diversi bliet biex jipprotestaw kontra l-Gvern tal-President Brażiljan Jair Bolsonaro u r-reazzjonijiet tiegħu għall-pandemija.
Il-protesti kienu xprunati minn allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu x-xiri ta’ vaċċini mill-Ministeru tas-Saħħa fi Brażilja. Dan ukoll meta l-ammont tal-imwiet mill-Covid-19 fil-Brażil, ix-xahar li għadda, qabeż in-nofs-miljun – b’dan il-pajjiż qed jirreġistra t-tieni l-akbar numru ta’ vittmi minn fost il-pajjiżi kollha tad-dinja u li hu anqas biss minn tal-Istati Uniti.
Fi tmiem il-ġimgħa, Imħallef tal-Qorti Suprema Brażiljana approva talba mingħand il-Prosekutur Ġenerali biex tinfetaħ investigazzjoni dwar ir-rwol ta’ Bolsonaro fl-iskandlu tax-xiri tal-vaċċini.
Il-President Bolsonaro qed ikun akkużat minn whistleblower fil-Ministeru tas-Saħħa b’li naqas milli jieħu azzjoni meta, tliet xhur ilu, kien imwissi dwar numru ta’ uffiċjali ewlenin li aċċettaw forom ta’ tixħim biex jixtru d-dożi tal-vaċċin Covaxin ( prodott mill-Indja) bi prezzijiet eżaġerati.
Intant, Bolsonaro qed jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina waqt li qed jinsisti li l-Oppożizzjoni qed tivvinta l-akkużi bil-ħsieb li jibdew il-proċeduri ta’ impeachment fil-konfront tiegħu.
//= $special ?>