Ajruplan tat-trasport militari tal-Filippini ġġarraf b’madwar 90 persuna abbord u bir-riżultat li mietu talanqas 30 mis-suldati li kienu fuqu. Intant, l-iskwadri għall-emerġenzi rnexxielhom joħorġu numru kbir ta’ truppi u nies oħra mill-fdalijiet tal-ajruplan li spiċċa jieħu n-nar eżatt mat-tiġrif.
L-inċident seħħ meta l-ajruplan – tat-tip C130 Hercules — żgiċċa mill-mitjar fil-Gżira ta’ Jolo, fil-provinċja ta’ Sulu, bl-aħħar rapporti jirreferu għal ħamsin midruba, b’numru mhux speċifikat ta’ passiġġieri jispiċċaw nieqsa.
Intant, il-kap tal-qawwiet armati Filippini, Cirilito Sobejana, issa ikkonferma li aktar minn 40 ġew salvati u li dawn ittieħdu l-isptar għall-kura.
Sar magħruf ukoll li tnejn fost il-maqtula u talanqas erba’ fost il-midruba kienu ċivili li nzertaw fl-inħawi fejn iġġarraf l-ajruplan.
Is-suldati abbord l-ajruplan kienu qegħdin jappoġġjaw il-kontinġent militari ( li ġie intensifikat fl-aħħar xhur) fin-Nofsinhar tal-Filippini u li fil-preżent qed jikkumbatti lill-militanti Iżlamiċi tal-grupp Abu Sayyaf u ta’ entitajiet ġiħadisti oħrajn.
L-ajruplan, fil-fatt, iġġarraf meta kien biss ftit kilometri ‘il bogħod minn Jolo u meta kien qed iwassal lit-truppi minn Cagayan de Oro, fil-gżira ta’ Mindanao, lejn in-nofsinar tal-Filippini.
Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali Filippini qalu li ma kien hemm l-ebda sinjal li l-ajruplan seta’ spiċċa mira ta’ attakk u meta qed jaħsbu biex jibdew investigazzjoni tal-inċident mill-aktar fis possibbli.
//= $special ?>