Sport Waterpolo

Il-qawwa Taljana wisq għaż-żgħażagħ Maltin fid-debutt waqt il-Kampjonat Ewropew

Zak Cutajar Licari jagħmel inaqqas id-distakk għal 5-3

Rapport: Stewart Said

ITALJA…………… 19

MALTA…………… 6

(5-3), (4-1), (5-2), (5-0)

Kif mistenni, bidu diffiċli għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena b’telfa ta’ 19-6 kontra l-Italja. Fil-verità ħadd ma stenna xi rebħa Maltija minħabba d-differenza fil-kwalità u l-iskor hu ftit prevedibbli però wieħed irid jelenka xi punti pożittivi li ħarġu mill-konfront.

Għal ħafna mill-azzjonijiet, iż-żgħażagħ Maltin pruvaw iżommu l-pussess kollu ta’ 30 sekonda, ftit ikkonċedew kontrattakki u f’partita sħiħa, it-Taljani kellhom biss sitt man-ups li minnhom skorjaw tliet gowls. L-istess sitwazzjoni għat-tim Malti, bi tliet gowls minn sitwazzjoni ta’ superjorità numerika.

It-tim Taljan kellu bidu mill-aqwa bi tliet gowls fl-ewwel tliet azzjonijiet tagħhom. Fl-ewwel man-up ta’ Malta, Enrico Mallia naqqas id-distakk għal 3-1. Minuta wara Adriano Barigelli għamel l-iskor 4-1, b’Lorenzo De Marchi ikabbar il-vantaġġ minn penalty. Reazzjoni mill-Maltin li fl-aħħar żewġ minuti tas-sessjoni skorjaw darbtejn, l-ewwel b’xutt mid-distanza ta’ Jayden Cutajar u man-up veloċi skorjat minn Zak Cutajar Licari.

Iż-żgħażagħ Maltin setgħu naqqsu d-distakk għal gowl iżda fallew il-man-up minn sitwazzjoni li potenzjalment setgħet wasslet għal gowl. Minn dik l-azzjoni, Manuel Arco għamilhom 6-3, b’Francesco Scordo jżid il-vantaġġ minn man-up. Cutajar Licari skorja r-raba’ gowl Malti wkoll minn man-up madankollu t-Taljani daħlu jistrieħu 9-4 b’żewġ gowls fl-aħħar 40 sekonda tas-sessjoni.

Fit-tielet sessjoni, l-Italja bdiet tiddomina u wara li Cain Cutajar wieġeb għall-gowl ta’ Adriano Barigelli, it-Taljani skorjaw erba’ darbiet f’żewġ minuti u kabbru l-vantaġġ għal 14-5, b’Enrico Mallia jiskorja t-tieni gowl personali fl-aħħar azzjoni Maltija tas-sessjoni.

B’Anthony Farrugia jagħmel aktar rotazzjoni fit-tim filwaqt li d-differenza fiżikament kompliet toħroġ fil-beraħ, l-Italja ddominat l-aħħar sessjoni b’ħames gowls mingħajr risposta, bit-tim Malti tal-anqas ma jikkonċedix opportunitajiet ta’ raġel aktar tul is-sessjoni.

Italja: F. Poggi, D. Varavallo (3), A. Barigelli (3), I. Gambacciani, E. Miraldi (2), A. Salipante (2), M. Arco (1), L. De Marchi (2), F. Pettonati (2), L. Mantovani (2), F. Sifanno (1), F. Scordo (1), M. Pini

Malta: D. Galea Mule, L. Dimech, I. Azzopardi, G. Bonavia, J. Cassar, D. Bugeja, Z. Cutajar Licari (2), J. Cutajar (1), E. Schembri, C. Cutajar (1), L. Montebello Brownrigg, E. Mallia (2), M. Brimmer