“Kellhom skop ċar li lili jkissruni. Iżda mhux ser jirnexxielhom.”
Hekk kitbet fuq Facebook id-deputat Laburista Rosianne Cutajar fl-ewwel kummenti pubbliċi tagħha minn mindu sar magħruf li hi instabet ħatja ta’ ksur ta’ etika, b’rabta mal-eluf illi ħadet minn konvenju li fih kien imdaħħal ukoll l-imprenditur Yorgen Fenech.
Wara li l-Ġimgħa ħarġet l-aħbar li r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards jinsab għand l-Ispeaker, Rosianne Cutajar qed tgħid li issa se tkun qed tistenna d-deċiżjoni tal-Kumitat Parlamentari. Sadanittant – għalkemm insistiet li xorta se tibqa’ Deputat fil-Gvern ta’ Robert Abela.
“Għandi ħegga aktar minn qabel biex nerġa’ nikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss u jekk tagħtuni l-fiduċja tagħkom nerġa’ nservikom bħalma għamilt f’dawn l-aħħar 9 snin”, qalet Cutajar fil-messaġġ tagħha.
Fuq Facebook, id-deputat Laburista infexxet f’attakk qawwi fuq il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Rosianne Cutajar hija urtata għall-fatt li l-Kummissarju emmen lil ħaddieħor, u mhux lilha. U tgħid li dan ir-Rapport ma jagħmilx ġustizzja magħha.
Cutajar insistiet li dan ir-rapport huwa “xokkanti”, iżda xorta tinsab determinata li tibqa’ fil-Grupp Parlamentari Laburista.
