Xogħol li ilu għaddej għal diversi xhur fi Triq il-Kaħli f’San Pawl il-Baħar qed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti ta’ din il-lokalita.
Residenti li tkellmu magħna qalulna li x-xogħol qabel diġà kien ta’ inkonvenjenza kbira għalihom iżda issa l-inkonvenjenza żdiedet minħabba li telgħu aktar nies għall-villeġjatura fiz-zona u kif ukoll żdied l-ammont ta’ tuiristi.
Jidher ukoll li kien hemm diversi jiem fejn ir-residenti ma kellhomx ilma f’dawn il-ġranet sħan sajfin, b’sigħat twal anke mingħajr dawl.
F’kummenti li għaddiet il-Minority Leader tal-PN f’San Pawl il-Baħar Graziella Galea saħqet li l-insistenza u t-talba għal aktar informazzjoni min-naħa tal-Kunsilliera tal-PN ilha għaddejja għal dawn l-aħħar xhur, fejn minn informazzjoni li waslitilna jidher li x-xogħol fuq id-drenaġġ fit-triq għandu għaddej sal-aħħar ta’ Lulju.
Huma ħafna li lmentaw magħna li xi drabi fit-triq ma jkunx hemm dawl adekwat, u l-barrierrs ma jkunux f’posthom, b’periklu kemm għal dawk li jkunu għaddejjin bil-vetturi tagħhom kif ukoll dawk li jkunu mexjin fit-triq. Din mhux l-ewwel triq li fiha x-xogħol qed idum biex jitlesta b’waqtiet fejn ir-residenti qed jispiċċaw ibatu l-konsegwenzi għan-negliġenza u nuqqas ta’ pjanar serju min-naħa tal-Gvern.
//= $special ?>