Kif il-gazzetta Il-Mument kienet żvelat fis-17 ta’ Jannar li għadda – li l-Prim Ministru Robert Abela ried akkost ta’ kollox li jdaħħal fil-Grupp Parlamentari tiegħu lill-Kirurgu Jo-Etienne Abela – issa jidher li nħolqot l-okkażjoni ideali biex dan il-pjan jiddaħħal fis-seħħ.
U propju fis-17 ta’ Jannar li għadda Il-Mument żvelat saħansitra l-isem ukoll tad-Deputat Laburista li kien fuq żaqq Robert Abela u li allura l-istess Robert Abela ried li jsib l-okkażjoni ideali biex itajru mill-Grupp Parlamentari tiegħu. Dakinhar Il-Mument żvelat l-isem tal-Eks Ministru Manuel Mallia li lejn tmiem is-sena 2014 kien ittajjar minn Ministru b’rabta ma’ sparaturi ta’ arma tan-nar fil-Gżira.
Illum Il-Mument tkompli tiżvela kif dan iċ-ċaqliq fil-Grupp Parlamentari Laburista mistenni jsir fil-futur qrib – bil-kompromess mad-Deputat Manuel Mallia jkun li hu jinħatar bħala l-Kummissarju Għoli l-ġdid għall-Ingilterra flok Joseph Cole li t-terminu tiegħu jinsab fl-aħħar ġranet tiegħu.
Sorsi infurmati qalu li Manuel Mallia jidher li hu parzjalment kuntent b’dan l-arranġament għaliex hu wkoll konxju mill-fatt li jinsab fuq żaqq Robert Abela u allura l-aktar li jista’ jiggwadanja hu li jpartat is-siġġu parlamentari tiegħu ma’ post fil-Korp Diplomatiku Malti. Fl-aħħar mill-aħħar, qed jirraġuna Manuel Mallia, il-post ta’ Kummissarju Għoli għall-Ingilterra mhux ta’ min jagħtih bis-sieq.
Naturalment in-nomina ta’ Manuel Mallia biex jieħu dan ir-rwol ġdid trid tkun l-ewwel approvata mill-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi u sakemm max-xitan ma jdaħħalx denbu, il-Prim Ministru Robert Abela jkollu karta rebbieħa oħra f’idu bit-tluq ta’ Manuel Mallia mill-Grupp Parlamentari Laburista.
Hawnhekk tiskatta t-tieni parti tal-pjan ta’ Robert Abela… dik li jinnomina lill-Kirurgu Jo-Etienne Abela biex ikun hu li jieħu s-siġġu parlamentari vakat u allura jkun co-opted fil-Parlament.
Tul il-perjodu ta’ ftit xhur li Robert Abela ilu jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru, diġà ħadem pjani biex daħħal fil-Parlament bħala membri tal-Kabinett lill-Ewro-Parlamentari Miriam Dalli, lill-Eks Chairman ta’ Jobs Plus Clyde Caruana, u lill-Eks Chairman tal-Kummissjoni Persuni b’Diżabbilità Oliver Scicluna.
Jekk illum nillimitaw id-diskors għall-ħatriet ta’ Ministri ta’ Miriam Dalli u Clyde Caruana, nistgħu niżvelaw li t-tnejn li huma llum jitkellmu b’ċertu xettiċiżmu dwar l-għażliet li kienu kostretti jagħmlu. Hu sigriet magħruf li Miriam Dalli, illum il-Ministru responsabbli għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, tammetti fil-magħluq li tqis li kien żball li ċediet quddiem il-pressjoni tal-Prim Ministru biex minn Brussell tispiċċa fil-Kabinett tiegħu.
F’diversi okkażjonijiet privati Miriam Dalli wriet li hi dispjaċuta li minn karriera promettenti u pożittiva fi Brussell fil-Parlament Ewropew, u b’tant opportunitajiet, spiċċat membru mhux kalkulata fil-Kabinett ta’ Robert Abela fejn saħansitra fil-ġimgħat li għaddew spiċċat biex tilfet ukoll lil uħud mill-aktar ħaddiema leali li dawn ma setgħux jibqgħu jissaportu fil-Ministeru l-atteġġjament ta’ nies leali lejn Konrad Mizzi u Chris Cardona.
Min-naħa l-oħra Clyde Caruana, il-Ministru tal-Finanzi, hu mdejjaq li qed imexxi dekasteru fejn kontinwament jiltaqa’ mal-barranin li ma jiddejqux jgħidu li Malta rmiet ir-reputazzjoni tagħha; barranin li huma konxji minn ċerti atteġġjamenti tal-Gvern li jħares u jipproteġi lill-kriminali flok ma jħares lejn il-veru interess tal-poplu Malti ta’ pajjiżna.
Ma jridx madwaru Membri Parlamentari li ma jafdax
Minkejja l-inkwiet intern li dawn l-għażliet li qed jagħmel Robert Abela qed joħolqu, l-istess Robert Abela hu determinat li jibqa’ jirrombla għaliex ma jridx madwaru Membri Parlamentari li ma jafdax.
S’issa tajjar mill-Grupp Parlamentari lill-Eks Ministri Edward Scicluna u Joe Mizzi, lill-Eks Segretarji Parlamentari Anthony Agius Decelis, Silvio Parnis u Stefano Buontempo, u issa, lill-Eks Ministru Manuel Mallia.
F’dan ix-xenarju kulħadd jiftakar ir-reżenja mill-Grupp Parlamentari Laburista tat-Tabib Etienne Grech li ma felaħx jissaporti aktar l-inġustizzji u rema’ x-xugaman.
L-istess bħall-istorja ta’ Gavin Gulia meta f’Jannar li għadda l-ewwel ħa l-ġurament bħala Deputat Parlamentari, iżda ftit sekondi wara ssottometta r-riżenja tiegħu mill-istess siġġu parlamentari biex dak is-siġġu parlamentari ngħata lil Oliver Scicluna.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu dak li se jkun qed jiġri fil-jiem li ġejjin se jerġa’ jiftaħ numru ta’ feriti. Fuq quddiem nett il-ferita ta’ Manuel Mallia li darba nħaraq mill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, ma sab l-ebda refuġju f’Robert Abela.
U mbagħad il-feriti ta’ numru ta’ Deputati Parlamentari li fil-magħluq jitkellmu b’ċerti modi, iżda fil-ftuħ joqogħdu lura xi jgħidu… għalkemm huma ddispjaċuti bil-mod kif Robert Abela ma jiddejjaqx jimbotta lil ċerti nies tiegħu filwaqt li lil oħrajn jagħtihom il-ġenb u dan bl-aktar mod sfaċċat.
Dawn id-Deputati jilmentaw kif għal Robert Abela – b’manuvri minn wara dahar kulħadd – qed ikompli juri kif għalih il-vot tal-poplu Malti u Għawdxi ma jfisser assolutament xejn għaliex madwaru fil-Parlament irid biss lil dawk leali lejh.
Justyne Caruana u Anton Refalo fuq żaqq Robert Abela
Il-pjan ta’ Robert Abela li jdaħħal lil Jo-Etienne Abela fil-Grupp Parlamentari jidher li mhi qed tinżel tajjeb xejn mal-Ministri Justyne Caruana u Anton Refalo li hu biċ-ċar li huma fuq żaqq l-istess Robert Abela huma wkoll.
Sorsi infurmati minn ġerarkiji għolja u fdati fil-Partit Laburista u li spiss jitkellmu ma’ Il-Mument, ilhom jgħidu li għal raġunijiet varji, kemm Justyne Caruana u anki Anton Refalo mhumiex fil-good books ta’ Robert Abela u l-istess Robert Abela jixtieq li fl-Elezzjoni Ġenerali li ġejja t-tnejn li huma jibqgħu l-art… xi ħaġa li Robert Abela jaf li hi diffiċli għal raġunijiet varji.
Iżda min-naħa tiegħu Robert Abela lest li jibqa’ jagħmel ħiltu biex filwaqt li jimbotta lill-Perit Clint Camilleri u lill-Kirurgu Jo-Etienne Abela, jagħmilha aktar diffiċli għal Justyne Caruana u Anton Refalo biex ikunu eletti f’isem il-Partit Laburista u dan għal mottivi diversi.
Minn meta aktar kmieni din is-sena l-Kirurgu Jo-Etienne Abela nħatar fit-tmun tal-Isptar Steward f’Għawdex, il-popolarità tiegħu fost l-elettorat Għawdxi kompliet tikber, grazzi wkoll għall-kuntatt dirett mal-pazjenti u l-qraba tagħhom. Mhux biss, iżda fl-istess post tax-xogħol il-Kirurgu Jo-Etienne Abela għandu għalqa kbira ta’ 1,400 ħaddiem – u allura l-familji rispettivi tagħhom hekk kif hu qed jagħmel dak kollu possibbli biex jikseb il-fiduċja ta’ dawn il-votanti.
Dan kollu qed jurta bis-sħiħ lil Justyne Caruana u lil Anton Refalo li għalkemm stabbilew ‘ministeri’ f’Għawdex fejn allura jiltaqgħu wkoll mal-Għawdxin, huma konxji li l-aħjar għalqa qed jaħdimha l-Kirurgu li qed jirnexxielu jnaqqrilhom ta’ kuljum mill-voti tagħhom.
//= $special ?>