Lokali

#sabiħlitagħti… Maratona b’risq id-Dar tal-Providenza

#SABIĦLITAGĦTI… dan huwa l-hashtag li qed jintua għall-maratona ġbir ta’ fondi li qed tittella’ mid-Dar tal-Providenza.

Din il-maratona qed issir minflok il-Maratona tal-Volleyball li din is-sena, bħas-sena l-oħra kellha titħassar minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Matul il-ġurnata tal-Ħadd ma naqasx milli jattendi għal din il-maratona l-Kap tal-PN Bernard Grech fejn tkellem dwar il-ħidma imprezzabbli li tagħmel din id-dar ma’ dawk l-aktar fil-bzonn. Jakkumpanjaw lil Bernard Grech kien hemm il-mara tiegħu AnnMarie Grech kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech fejn qattgħu ħin jirrispondu t-telefonati.

Il-flus li jinġabru minn din il-maratona se jmorru biex fost l-oħrajn ikun jista’ jitnieda proġett ta’ immodernizzar f’erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni. Dan sabiex kull persuna jkollha ambjent dejjem aktar dinjituż fejn tgħix bi kmamar personali mgħammra bis-servizzi kollha meħtieġa.

Kulħadd huwa mħeġġeġ biex jagħti d-donazzjoni tiegħu fejn wieħed jista’ jagħeml ukoll użu ta’ drive through fil-car park tad-Dar tal-Providenza. Il-maratona tibqa’ għaddeja sa nofs il-lejl u qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha fosthom ukoll Net Television.