Mietet il-priġuniera li kienet ipprovat tneħħi ruħha b’idejha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin madwar tliet ġimgħat ilu hekk kif kienet instabet mitlufa minn sensiha fiċ-ċella tagħha.
Fi stqarrija l-Awtoritajiet tal-Ħabs kienu qalu li l-mara kienet kontinwament taħt moniteraġġ minn Psikjatra bl-aħħar viżta seħħet fit-3 ta’ Ġunju li għadda. Fir-rapport tiegħu… dejjem skont it-tmexxija tal-ħabs… il-Psikjatra rrimarka li l-persuna inkwistjoni kienet qed tagħmel progress, filwaqt li ma kienx hemm riskju ta’ suwiċidju.
B’dan il-każ kienu ġew infurmati l-pulizija tad-distrett filwaqt li nħatret inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech.
Din l-aħbar tkompli tqajjem tħassib dwar il-mod ta’ kif qed titmexxa l-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, fejn fix-xhur li ilu jmexxi l-ħabs il-Kurunell Alexander Dalli mietu 12-il persuna.
Ix-xahar li għadda l-Partit Nazzjonalista nieda l-ewwel sett ta’ proposti dwar id-detenzjoni b’dixxiplina u b’dinjità, frott il-ħidma tal-clusters politici.
Dawn il-proposti jindirizzaw b’mod konkret is-sitwazzjoni ta’ ffullar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li qed titqarreb lejn kollass. Tant hu hekk li bħalissa, fil-Faċilità hemm id-doppju tal-popolazzjoni li tiflaħ.

