Internazzjonali

Belt tal-Vatikan: Tirnexxi l-kirurġija tal-Papa Franġisku li qed jaħseb diġà fl-impenji li jmiss

Il-Papa Franġisku qed jirkupra minn operazzjoni li saritlu fil-musrana u wara li hu, nhar il-Ħadd, kellu jiddaħħal fl-isptar ta’ Gemelli (f’Ruma) għall-intervent kirurġiku. Skont l-aħħar rapporti hu kien jinsab f’sitwazzjoni sodisfaċenti iżda d-dettalji kienu ftit.

Il-kelliema għall-isptar, intant, qalu li l-operazzjoni rnexxiet waqt li Matteo Bruni, uffiċjal ewlieni tal-Vatikan, sostna li l-Kap tal-Kattoliċi, li għandu 84 sena, ‘irreaġġixxa tajjeb għat-trattament’.

Sadanittant, l-indikazzjonijiet kollha huma li l-fażi ta’ konvalexxenza se tkompli fil-ġranet li ġejjin.

Din hi l-ewwel darba li l-Papa Franġisku – l-eks Arċisqof ta’ Buenos Aires fl-Arġentina – kellu jidħol l-isptar għal intervent kirurġiku mindu kien elett Kap tal-Knisja fl-2013.

Intant, is-sorsi infurmati qalu li l-Papa diġà qed jaħseb fl-impenji tiegħu ‘il hinn mill-Vatikan fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Fl-istess ħin, il-Vatikan ma pprovdiex dettalji dwar l-operazzjoni u lanqas ma qal kemm għandu jdum l-isptar il-Papa.

Il-Papa Franġisku, nhar il-Ħadd, kien indirizza l-eluf tad-devoti fi Pjazza San Pietru ta’ Ruma qabel daħal għall-operazzjoni.

U waqt il-ħin tal-Omelija, il-Papa ħabbar li qed jaħseb biex imur fis-Slovakkja f’Settembru li ġej – b’impenn ieħor, qabel, għandu jinvolvi ċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa f’Budapest, il-belt kapitali tal-Ungerija.