Lokali

Bernard Grech qalb in-nies fil-Ħamrun, Ħal Luqa u l-Qrendi

“Ma tistax ma tħossokx sodisfatt meta minkejja kollox fl-irħula u l-ibliet madwar Malta u Għawdex tara qlubija kbira, u sens qawwi ta’ volontarjat li jinħass ġmielu fil-każini u l-għaqdiet lokali.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħaxija żar il-lokalitajiet tal-Ħamrun, Ħal Luqa u l-Qrendi – lokalitajiet li fi tmiem il-ġimgħa, minkejja li b’differenza minhabba l-pandemija, iċċelebraw il-festi tal-Kunċizzjoni, Sant’ Andrija u l-Madonna ta’ Lourdes.

Fil-Ħamrun, Bernard Grech, akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu AnneMarie żar numru ta’ każini u ħwienet fejn iltaqa’ u tkellem ma numru ta’ residenti li laqgħuh f’din l-okkażjoni speċjali. Dan filwaqt li ltaqa’ mal-membri tal-Grupp Armar Festa Immakulata Kunċizzjoni li jieħdu ħsieb l-armar ta’ barra. Aktar tard, hu ntlaqa’ fil-każin tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni.

Akkumpanjat minn deputati Nazzjonalisti, kandidati u kunsillieri lokali..Bernard Grech żar ukoll il-lokalità ta’ Ħal Luqa fejn intlaqa’ mil-Luqin f’diversi każini u stabbilimenti…fosthom fil-każin tas-Soċjetà Filarmonika ‘L-Unjoni’ kif ukoll fil-Każin tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija.

Bernard Grech insista dwar l-importanza li bħala pajjiż inkomplu nħaddnu l-għeruq tagħna u naprezzaw il-wirt kulturali u t-tradizzjonijiet li jsawwruna bħala poplu.

Sussegwentament Bernard Grech żar ukoll il-lokalità tal-Qrendi fejn żar il-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes kif ukoll il-Każin tas-Soċjetà Mużikali Santa Marija.

Matul dawn iż-żjarat il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa ma’ diversi residenti li laqgħuh fi djarhom u tkellmu miegħu.

Bernard Grech insista li dawn iż-żminijiet ta’ festi ċertament li jqanqlu tbissima fuq fomm kulħadd minkejja l-ostakoli li toffri l-pandemija.

Huwa faħħar ukoll il-ħidma sfieqa li jwettqu matul is-sena d-dilettanti kollha tal-piroteknika li f’dawn il-ġimgħat iżewqu l-iljieli sajfin Maltin b’ilwien mill-isbah