Internazzjonali

Covid-19: Franza attenta għar-‘raba’ mewġa’ tal-virus

Il-Ministru tas-Saħħa Franċiż Olivier Veran ħeġġeġ lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa fi Franza biex jieħdu ‘kollha’ it-tilqima kontra l-Covid-19. Dan wara li numru ta’ infezzjonijiet ġodda li ħarġu fi djar għall-anzjani qed ikunu marbuta ma’ ħaddiem fis-settur li ma ngħatax il-vaċċin.

Veran qal li l-Gvern tiegħu ‘mhux jipponta s-swaba’ lejn il-ħaddiema tas-saħħa waqt li sostna li l-impenn għat-tilqim għandu jkun irrealizzat fl-aħjar interessi tal-pazjenti li l-ħaddiema huma fid-dmir li jipproteġu. Dan meta l-Gvern Franċiż qed jikkunsidra jekk jgħaddix direttiva biex kulmin jaħdem fl-isptarijiet, il-kumplessi għan-nies bi bżonnijiet speċjali u d-djar għall-anzjani jieħu ‘bilfors’ it-tilqima kontra l-Covid.

Franza  tista’ qed tiffaċċja raba’ mewġa tal-coronavirus, bil-Ministru Veran qed iwissi dwar il-konsegwenzi tal-varjant ‘Delta’ tal-virus li jinfetta lin-nies aktar malajr. Hu, fl-istess ħin, tenna li r-raba’ mewġa kapaċi tolqot lil pajjiżu ‘mill-aħħar ġranet ta’ Lulju’, bi Franza — mill-bidu tal-pandemija — tirreġistra ‘il fuq minn 5.8 miljun każ tal-virus u aktar minn 111,000 mewta relatata.

Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson issa qed iħejji biex jiddettalja l-aħħar fażi tar-roadmap biex l-Ingilterra toħroġ mil-lockdown, fost l-istennija biex il-pajjiż itemm numru kbir ta’ restrizzjonijiet.

Intant, Johnson qal li n-nies xorta ‘jeħtieġu jeżerċitaw l-għaqal u sens ta’ ġudizzju’ f’dawn iċ-ċirkustanzi waqt li l-poplu jitgħallem jgħix fost l-effetti tal-virus. Dan waqt li l-unions Ingliżi kkritikaw il-pjan biex in-nies li jużaw it-trasport pubbliku jilbsu l-maskri tal-wiċċ ‘skont ix-xewqa’ u ‘b’mod volontarju’ aktar milli b’rispett għal direttiva speċifika. Il-kelliema għall-unions iridu wkoll  li n-nies jilbsu l-maskri dejjem meta jidħlu fil-ħwienet.

Fi żviluppi oħra, id-Dukessa Catherine ta’ Cambridge – il-mara tal-Prinċep William tal-Ingilterra – qed iżżomm ruħha iżolata min-nies wara li hi spiċċat f’kuntatt ma’ persuna li testjat pożittiva għall-virus. Catherine kellha tqatta’ il-jum ma’ żewġha waqt l-attivitajiet tat-73 anniversarju tan-National Health Service (NHS) iżda għażlet li tirrispetta l-linji gwida tal-Gvern għan-nies li jispiċċaw fl-istess ċirkustanzi tagħha u minkejja li hi ma kienet qed turi l-ebda sintomi.

Ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra, sadanittant, ippremjat lin-National Health Service bil-George Cross — b’dan l-unur qed jirrikonoxxi ‘il-kuraġġ, id-dedikazzjoni u sens ta’ mogħdrija’ tal-istaff kollu.  Kien ir-Re George VI li, fl-1940, introduċa dan l-unur fi żmien meta kienet qed tirranka t-Tieni Gwerra Dinjija – b’din il-medalja tingħata ‘għal atti ta’ eroiżmu kbir jew għal kuraġġ straordinarju waqt ċirkustanzi ta’ periklu estrem’.