Lokali Parlament

Il-Gvern qed jitraskura direttivi tal-UE u ma jdaħħalhomx fil-ħin

Claudette Buttigieg,PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fil-parlament li fuq diversi setturi, il-Gvern qed jittraskura diversi direttivi tal-UE b’detriment għall-konsumaturi Maltin fost setturi oħra.

Claudette Buttigieg qalet li lejn tmiem din il-leġiżlatura l-Gvern issa nduna li kellu miri li ma laħaqx iżda issa jrid jagħmel kollox malajr. Hi qalet li d-drittijiet tal-konsumtur għandhom bżonn il-protezzjoni u li l-UE hi element importanti biex dawn id-drittijiet ikunu protetti.

Dan juri kemm kienet importanti s-sħubija ta’ Malta fl-UE kieku dan ma seħħx il-Gvern kien iħalli barra diversi aspetti. Il-Gvern bħalissa għandu bżonn mhux biss inaddaf il-bajjiet u l-pajjiż iżda anki d-dehra ta’ Malta kemm jista’ jkun malajr.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-kontijiet tad-dawl u lilma jikkaġunaw ħsara kollettiva fuq il-konsumatur waqt li kien hemm silenzju assolut minn min suppost kellu jitkellem.

Id-deputat Nazzjonalista trattat l-aspett diġitali u l-bejgħ fuq l-internet u qalet li kien propju għalhekk l-UE ħasset li kellha tagħmel regoli ġodda. Hi sostniet li fl-2017 l-UE ħarġet regoli ġodda li fihom qalet li r-regoli tal-2006 se jitneħħew; il-Gvern kien jaf li se jitħassru mill-2020 iżda ħalla Lulju 2021 biex ressaq dan l-abbozz.

Din hi inkompetenza jew traskurġani, sostniet Claudette Buttigieg, li qalet li l-Gvern mhux iżomm mal-miri tiegħu f’diversi liġijiet oħra. Fost dawn hemm it-traspożizzjoni tal-Work Life Balance li kien ħadem fuq l-MEP David Casa li issa ilha sentejn biex titressaq. Dan qed iseħħ ukoll fl-enerġija.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li jidher li ma saritx konsultazzjoni pubblika dwar diversi direttivi u sostniet li meta dan is-settur ikun traskurat, negozjati jaħarbu mill-infurzar. Din ukoll hi waħda mir-raġunijiet li Malta tpoġġiet fil-lista l-griża.

Claudette Buttigieg tkellmet ukoll dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u qalet li l-Uffiċċju jrid ikollu l-għodda effettiva għax dan hu l-post fejn jittieħdu deċiżjonijiet daqshekk importanti u li jrid jaħdem flimkien mal-istess uffiċjali fl-UE. Hi kkritikat in-nuqqas ta’ ratifika ta’ regoli u direttivi tal-UE u qalet li din il-kwistjoni trid tkun trattata b’urġenza.

Id-deputat Nazzjonalista staqsiet x’effett se jkun hemm fuq il-konsumaturi u fuq il-ħaddiema fis-settur kif ukoll fuq ir-regolatur f’dan is-settur. Hi trattat il-konsultazzjoni u appellat biex il-Gvern jispeċifika ma’ min ikkonsulta.

Id-deputat Nazzjonalista qalet lid-direttiva tal-UE tgħid li din mhix biss fl-interess nazzjonali iżda anki fl-interess Ewropew. Il-korruzzjoni tfixkel il-meritokrazija ġusta, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet r-riżorsa umana hi importanti ħafna.

Claudette Buttigieg qalet li l-Uffiċċju għandu jkollu r-riżorsi umani meħtieġa u sostniet li dan għandu jkollu wkoll l-indipendenza finanzjarja. Hi tkellmet dwar l-importanza tal-Bord, l-għażla tal-membri tal-Bord, l-iskrutinju u staqsiet għaliex il-membri qed jinbidlu daqshekk spiss.