Il-Pulizija kellha tieqaf ħesrem tkompli tinvestiga l-omiċidju li seħħ sbieħ nhar il-Ġimgħa filgħodu fejn Filippin ta’ 44 sena, residenti l-Mellieħa nstab mejjet wara li allegatament qala’ daqqiet ta’ sikkina mingħand mara. Ir-raġuni hija l-mara tinsab rikoverata l-isptar minħabba problemi newroloġiċi li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ.
Din hija waħda mir-raġunijiet li l-Filippina għadha ma tressqitx il-Qorti akkużata bil-qtil minkejja li għaddew it-48 siegħa minn mindu hija ġiet arrestata. Il-mara li bħal vittma għandha 44 sena, kellha bżonn tidħol l-isptar ftit wara li ġiet arrestata minħabba li ħasset xi wġiegħ, bit-tobba jiddeċiedu li jżommuha rikoverata l-isptar biex jaraw eżattament x’għandha.
Huwa mifhum li dan wassal biex kienet interotta l-investigazzjoni li kienet għadha fil-bidu tagħha, u għalhekk għalissa, sakemm ma tiġix liċenzjata mill-isptar mhiwiex possibbli li titressaq il-Qorti. Minn informazzjoni li għandu nett news dan il-każ, anke jekk il-mara jidher li bdiet tikkopera mal-Pulizija, l-każ mhuwiex wieħed faċli u l-kobba hija mħabbla aktar milli huwa maħsub.
Kollox jindika li l-koppja kienu ta’ spiss jinstemgħu jiġġieldu mill-ġirien u mhux l-ewwel darba li dawn instemgħu jagħmlu ħafna storbju matul il-lejl, bl-argumenti bejniethom jiskalaw sew. Kien għall-ħabta tas-12.45 a.m. tat-2 ta’ Lulju li għadda meta l-Filippina talbet għall-għajnuna tal-Pulizija fejn infurmathom li qiegħda tistennihom fi Triq il-Kbira, Mellieħa.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra immexxija mill-Ispettur Godwin Scerri fejn hija kellha argument mar-raġel u li kellha wkoll viżibbli. Sa dak il-ħin iżda, hija ma tagħatx informazzjoni fejn kien seħħ l-argument.
Wara li ngħatat l-kura, wara ttieħdet il-Kwartieri tal-Pulizija, il-Floriana għal aktar stħarriġ. Kien għal ħabta tal-4.00 a.m., meta l-mara qalet lill-Pulizija li l-argument ġata fir-residenza tagħhom fi Triq il-Fortizza, Mellieħa u ntużat sikkina. Fuq il-post marru minnufih il-Pulizija tad-Distrett fejn sabu lir-raġel mixħut wiċċu ’l isfel fil-kċina, mgħotti bl-liżar.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei fejn ta l-assistenza, iżda r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Ftit wara l-mara qalet lill-Pulizija ma kinitx qed tħossha sew u għalhekk ittieħdet l-isptar Mater Dei.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-vittma kellu daqqa ta’ sikkina f’sidru u oħra f’għonqu. Il-Pulizija elevat ukoll żewġ skieken li allegatament intużaw fid-delitt. Bil-każ kienu ġew infurmati l-Pulizija tal-Iskwadra tal-Omicidji fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, waqt li l-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello ħatret Inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u l-mara mistennija tkompli tiġi nterrogata hekk kif tiġi liċenzjata mill-isptar.
//= $special ?>